Kien proprju nhar it-Tnejn filgħodu, pajjiżna qam maħsub minn splużjoni qawwija. Wara ftit ħin sar magħruf li kienet splodiet Kamra tan-Nar fl-inħawi magħrufin bħala ‘Tal-Qadi’ fis-Salini. Sar magħruf li fil-ħin tal-isplużjoni ma kien hemm ħadd fil-post. Sa ftit ħin wara is-siti soċjali kienu miżgħudin b’ritratti u filmati ta’ din l-isplużjoni.
Il-filmati tista’ tgħid ixxandru f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. L-isplużjoni kienet waħda qawwija ħafna u għalhekk ma setax jonqos danni lil persuni li jgħixu fil-viċinanzi. Kienu rappurtati ukoll għadd ta’ imwiet ta’ annimali. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.
Dawn huma l-fatti marbutin ma’ dan il-każ. Ġara iżda li b’rabta ma’ din l-isplużjoni, fis-siti soċjali kellek moviment sħiħ ta’ nies, li fetħulha kontra x-xogħol tal-logħob tan-nar. Kienu attakkati bl-aktar mod iebes dawk li b’sagrifiċċji kbar anke personali, jqattgħu ħinhom fil-manifattura tal-logħob tan-nar. Kellek kummenti ta’ mibegħda lejn l-istess nies.
Kien hemm min qalilhom ‘kriminali’. Oħrajn ‘egoisti’. Kumment bħal ‘mard mentali dan l-ammont ta’ splussiv fuq din il-gżira’. Dan fost ħafna aġġettivi oħrajn. Immedjatament bdiet pressjoni biex jitwaqqad il-logħob tan-nar. F’kemm ilni ngħidlek is-siti soċjali imtlew b’kummenti biex il-pajjiz jieħu deċiżjoni u jwaqqaf għal kollox il-manifattura tal-logħob tan-nar. Sar ukoll intervent fil-Parlament Ewropew, li ukoll kompla tefa’ dawl ikrah fuq il-logħob tan-nar f’Malta.
Nifhmu li min isofri ħsarat se jesprimi rabja. Nifhmu li jkun imħasseb dwar sigurtà. Ninsabu ċerti imma ukoll li l-mibegħda u l-odju li nħareġ kontra dawk li jaħdmu n-nar, hu inġust għall-aħħar. Inġust għax tefgħet lil kulħadd f’keffa waħda.
Mhux biss, imma min qed jitkellem f’idejh m’għandu ebda dettalji x’wassal għal din l-isplużjoni, xi ħaġa li tikkonfermaha l-inkjesta li għaddejja. Nemmnu li kull kumment ibbażat biss fuq diċeriji jew spekulazzjonijiet, ma jagħmlu ebda ġid. Li jagħmlu hu li joħolqu tensjonijiet bla bżonn fis-soċjetà tagħna, tensjonijiet li m’għandniex x’nambuhom.
B’liema raġunament tgħid daqshekk logħob tan-nar, sempliċiment għax kellek splużjoni f’post parikolari? Kif tista’ titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa? Għaliex għandek tippenalizza lil dawk li jsegwu r-regolamenti sempliċiment għax kien hemm splużjoni?
Fuq kollox dan hu każ li fih, l-awtoritajiet b’mod immedjat ħatru inkjesta. Ifisser li ttieħdu miżuri b’mod immedjat biex jiġu stabbiliti iċ-ċirkostanzi tal-inċident u bier il-provi jinġabru u jiġu preservati. Ovvjament mill-inkjesta għandha nkunu nafu x’wassal għall-isplużjoni, jekk kienx hemm xi traskuraġni jew ksur ta’ liġi, min hu responsabbli, Għalhekk l-inkjesta tiddetermina jekk hemmx responsabbilità kriminali jew ċivili.
Nemmnu li mhux ġust li titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa. Mhux ġust li l-pirotekniċi Maltin jiġu trattati b’dan il-mod. Mhux gust li toħloq kastig kollettiv. Nemmnu fermament li l-logħob tan-nar hu parti integrali mill-festi sbieħ tagħna.
L-ispettakli tan-nar tradizzjonali jirrappreżentaw il-memorja kollettiva. Juru l-identità Maltija għax il-logħob tan-nar hu xi ħaġa awtentika għall-Maltin minħabba d-dimensjonijiet storiċi, soċjali u kulturali għall-identità nazzjonali.
Il-logħob tan-nar f’Malta hu rikonoxxot mill-UNESCO bħala parti integrali mill-festa Maltija li ġiet iddikjarata bħala ‘Wirt kulturali Intanġibbli tal-Umanità’ f’Diċembru tas-sena 2023.
Nemmnu li għalhekk lil hinn minn attakki insensati kontra grupp ta’ nies jew delizzju, ikun tajjeb li tinżamm il-kawtela u wieħed jistenna it-tmiem tal-inkjesta. Hu wara li titlesta l-inkjesta li wieħed jista’ jagħraf b’mod ċar kif għandu jimxi ‘l quddiem.


