Thursday, September 24, 2026
Home Opinjoni Malta qed tikber, imma qed ngħixu aħjar?

Malta qed tikber, imma qed ngħixu aħjar?

Jikteb Andre Buhagiar

0
72

Malta qed tikber. L-ekonomija tagħna kibret, l-investiment żdied u pajjiżna sar wieħed mill-aktar ekonomiji dinamiċi fl-Ewropa. Madankollu f’dan kollu hemm mistoqsija li rridu nibqgħu nagħmlu, mhux bħala kritika distruttiva iżda bħala eżerċizzju ta’ responsabbiltà: Malta qed tikber, imma qed ngħixu aħjar?

Din hija l-mistoqsija li għandha tkun fiċ-ċentru tad-diskussjoni politika tagħna. It-tkabbir ekonomiku huwa importanti. Huwa dak li joħloq l-opportunitajiet, isaħħaħ il-finanzi tal-pajjiż u jagħti lill-Gvern il-kapaċità jinvesti fis-servizzi pubbliċi imma t-tkabbir waħdu ma jistax ikun il-kejl kollu tas-suċċess. L-ekonomija trid isservi lill-bniedem.

Il-progress għandu jinħass fil-ħajja ta’ kuljum

Il-Gvern huwa kburi biċ-ċifri ekonomiċi, u bir-raġun u l-familja Maltija trid tkun tista’ tħoss dan il-progress fil-ħajja tagħha ta’ kuljum fosthom; pagi aħjar, opportunitajiet aħjar u tista tgħix ħajja ta’ kwalità. Din hija d-differenza bejn tkabbir ekonomiku u progress soċjali. It-tnejn għandhom jimxu flimkien.

Il-mudell ekonomiku jrid jevolvi

Għal ħafna snin, Malta kellha suċċess ekonomiku billi attirat investiment, ħolqot impjiegi u espandiet diversi setturi. Dan is-suċċess m’għandux jiġi minimizzat. Għall-kuntrarju, għandu jkun apprezzat. Meta pajjiż jikber, irid jibda jistaqsi x’inhu l-pass li jmiss.

Ma nistgħux nibqgħu nkejlu s-suċċess biss bin-numru ta’ nies li jaħdmu jew bil-prodott gross domestiku. Irridu nkejlu wkoll il-produttività, il-kwalità tal-impjiegi, il-pagi, il-ħin li n-nies iqattgħu fit-traffiku, il-kwalità tal-ambjent u kemm il-familji għandhom ħin għal xulxin. Veru persuna tista’ tkun qed taqla’ aktar flus, iżda jekk qed tqatta’ sigħat twal fit-traffiku, qed tħallas aktar għall-akkomodazzjoni u m’għandhiex ħin għall-familja, nistgħu verament ngħidu li qed tgħix aħjar?

Il-Gvern Laburista u l-isfida tal-kwalità tal-ħajja

Il-Gvern Laburista għandu għalhekk sfida importanti quddiemu.  Il-mandat li ngħata mill-poplu għandu jintuża biex it-tkabbir ekonomiku jinbidel f’kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan huwa fejn il-politika Laburista għandha tkompli tiffoka fuq il-familji, il-ħaddiema u dawk l-aktar vulnerabbli. Il-politika soċjali m’għandhiex tkun xi ħaġa separata mill-politika ekonomika. Jekk l-ekonomija tikber, għandha tikber ukoll il-kapaċità tagħna li ninvestu fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fit-trasport, fl-akkomodazzjoni u fl-ambjent. Hawnhekk għandna opportunità politika importanti: li nkomplu nibnu fuq dak li nkiseb u nindirizzaw dak li għadu ma jaħdimx biżżejjed.

Żvilupp, ambjent u kwalità tal-ħajja

Ma nistgħux ninjoraw lanqas il-pressjoni li qed inħossu fuq l-ambjent u l-ispazju tagħna.

Malta hija pajjiż żgħir.Għalhekk, kull biċċa art, kull spazju miftuħ u kull proġett ta’ infrastruttura għandhom jiġu kkunsidrati b’viżjoni fit-tul. Il-mistoqsija m’għandhiex tkun sempliċement: “Nistgħu nagħmluh?” imma għandha tkun:“għandna nagħmluh, u x’impatt se jkollu fuq il-kwalità tal-ħajja?” Din hija l-mentalità li rridu nibnu.

Iż-żgħażagħ iridu jgħixu, mhux biss jaħdmu

Wieħed ma jistax jitkellem dwar Malta li qed tikber mingħajr ma’ wieħed jitkellem dwar iż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ iridu pajjiż fejn jistgħu jibnu ħajja; iridu edukazzjoni tajba, iridu iktar xogħol ta’ kwalità, iridu akkomodazzjoni li jistgħu jlaħħqu magħha, iridu spazji fejn jgħixu, jirrilassaw u jgawdu l-ħin liberu ufuq kollox jridu jħossu li l-futur tagħhom huwa  f’Malta stess. Dan għandu jkun wieħed mill-akbar miri politiċi tagħna. Malta qegħda tikber ekonomikament iżda jekk ż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu jibnu ħajja komda hawn, irridu nistaqsu jekk it-tkabbir hux qed jasal għand kulħadd.

Il-Gvern Laburista għandu opportunità storika

Il-Gvern Laburista għandu mandat ġdid u għalhekk għandu l-opportunità li jidħol f’fażi ġdida. Fażi fejn ma nkunux qed nitkellmu biss dwar kemm qed tikber Malta, iżda dwar kemm qed titjieb Malta. Dan ifisser investiment fl-ekonomija, iżda wkoll investiment fil-kwalità tal-ħajja. Ifisser li nibqgħu noħolqu l-ġid, iżda niżguraw li dan il-ġid iwassal għal aktar benesseri. Il-Partit Laburista għandu storja twila ta’ bidla soċjali u ekonomika. L-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna hija li nagħtu direzzjoni ġdida lil dik il-ħidma.

It-tweġiba m’għandhiex tkun sempliċi “iva” jew “le”

Allura, Malta qed tikber iżda qed ngħixu aħjar? It-tweġiba għandha tkun ambizzjuża: irridu niżguraw li iva. Fejn hemm oqsma fejn għadna ma qbadniex il-pass, ma għandniex nibżgħu ngħidu dan. Gvern b’saħħtu mhux dak li jgħid li kollox perfett imma huwa dak li jagħraf fejn irid jitjieb u jkollu l-kuraġġ jagħmel il-bidliet meħtieġa. Il-Gvern Laburista għandu l-opportunità li jagħmel dan; li jibqa’ jinvesti fit-tkabbir ekonomiku, iżda fl-istess waqt jagħmel il-kwalità tal-ħajja wieħed mill-akbar kejl tas-suċċess tiegħu.

Malta għandha tibqa’ tikber imma aktar importanti minn hekk, Malta għandha tibqa’ titjieb u din għandha tkun l-isfida politika tal-Gvern Laburista għas-snin li ġejjin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here