“Għawdex ser ikun aqwa minn qatt qabel”

- Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri

Aqra wkoll

“Għawdex ser ikun aqwa minn qatt qabel.” Hekk stqarr il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jum wara li tħabbar li l-Belt Victoria kienet ikkonfermata bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031. 

“Din hija l-ewwel u qabel kollox rebħa għal Għawdex u l-Għawdxin kollha. Hija rebħa wkoll għal Malta tagħna bħala pajjiż. Triq twila li bdiet b’viżjoni madwar 6 snin ilu u li wasslet għal dan it-tragward,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Kompla jgħid li Għawdex wera bil-fatti, li meta magħqud, irrispettivament mid-differenzi politiċi u aspetti oħra, meta jagħraf juża l-aqwa talent lokali, meta lkoll kemm aħna flimkien naħdmu għall-ġid ta’ din il-gżira, kapaċi noħorġu minn kull sfida bl-aqwa unuri. 

“Dawn huma mumenti li jiddefinixxu l-kapaċità, id-determinazzjoni, l-għaqda u r-reżiljenza tal-Għawdxi. L-Għawdxi, li minn età żgħira jrid jaqta’ bi snienu aktar minn kulħadd. L-Għawdxi li minn twelidu irid jistinka u jaħdem kontra l-kurrent, il-preġudizzju li xi drabi nesperjenzaw u l-insularità doppja li ngħixu biha ta’ kuljum. Però huma dawn il-ftit mumenti li jagħtu t-timbru li jiddefinixxina,” qal il-Ministru Camilleri f’post li tella’ fuq il-midja soċjali.

Irrefera wkoll għal fatt li 4 snin ilu Għawdex għall-ewwel darba kkompeta f’ismu fl-International Island Games, “kien hemm min kien xettiku. Kien mument fejn għall-ewwel darba wkoll kontinġent ta’ sportivi Għawdxin ġabu l-unità taħt it-tarka tal-gżira. Tajna wkoll risposta lill-kritiċi bil-medjali,” temm jikteb il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport