Thursday, September 24, 2026
Home Sport Manchester United se jbigħu biċċiet mill-ħaxix ta’ Old Trafford għal £125

Manchester United se jbigħu biċċiet mill-ħaxix ta’ Old Trafford għal £125

0
58

Il-club ta’ Manchester United qed jagħti lill-partitarji opportunità mhux tas-soltu billi jixtru biċċa żgħira mill-ħaxix tal-ground storiku ta’ Old Trafford. Il-club qed ibigħ dawn il-biċċiet għall-prezz ta’ £125 kull waħda, wara li l-wiċċ tal-ground ġie mibdul dan is-sajf għall-ewwel darba fi 14-il sena.

Il-biċċiet tal-ħaxix, li ġew ippreservati bħala tifkiriet, qed jitqiegħdu f’kubi tal-akriliku ta’ 7 ċentimetri b’7 ċentimetri. 

Kull kubu jiġi f’kaxxa sewda li tinkludi wkoll stampa tal-istadium. Manchester United bagħtu email lill-membri tal-club u lid-detenturi tal-season tickets biex jinfurmahom li kellhom “aċċess esklussiv bikri” għall-prodott.

Il-club qed jippromwovi l-kubu bħala oġġett uniku għall-kollezzjonisti u bħala mod kif il-partitarji jistgħu jieħdu magħhom “biċċa minn Old Trafford”. 

Skont Manchester United, il-ħaxix jista’ jservi bħala tifkira tal-logħbiet importanti u l-mumenti storiċi li seħħew fil-ground. Jista’ wkoll jitqiegħed fuq skrivanija jew jintwera f’vetrina flimkien ma’ oġġetti oħra relatati mal-club.

Din mhijiex l-ewwel darba li l-United biegħu biċċiet mill-ground. Meta l-wiċċ preċedenti tneħħa qabel l-istaġun 2012-13, il-club kien diġà offra lill-partitarji biċċiet mill-ħaxix bħala tifkiriet, u qal li l-inizjattiva kienet popolari.

Il-ground ta’ Old Trafford huwa magħmul madwar 96% minn ħaxix naturali, filwaqt li l-4% l-oħra huma fibri artifiċjali mdaħħla fil-ħamrija biex jgħinu jsaħħu l-wiċċ tal-logħob.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here