Sunday, June 7, 2026

L-AQWA ISTITUZZJONI

Aqra wkoll

Fid-diskors ta’ kuljum, ħafna draw jitkellmu b’ton dispreġjattiv dwar il-Parlament… bħala spazju għall-parla, parla, fejn imbagħad id-deċiżjonijiet li jkunu saru band’oħra, x’aktarx fil-moħbi, jiġu sempliċement approvati. Fiż-żmien, Oliver Friggieri bir-rumanz tiegħu kien daħħal l-espressjoni li fil-parlament ma jikbrux fjuri – għax post fejn jinżammu taqtigħat verbali x’aktarx kollha foloz u vvizzjati mill-interessi personali u/jew il-kilba għall-poter. Kienet xbieha qawwija li minkejja l-qbil li sabet, kienet parodika u naħseb fondamentalment żbaljata. 

Għax ngħidu xi ngħidu, f’demokrazija parlamentari, l-Parlament jibqa’ l-aqwa istituzzjoni tal-pajjiż… aqwa mill-kabinett tal-ministri, mill-presidenza jew mill-qrati. Hu minnu li jista’ jispiċċa maħkum minn partit, minn klikka, minn Prim Ministru, minn interessi moħbija. Jiġri hekk għax iċ-ċittadini, bħala votanti, jiddeċiedu dil-ħaġa kull meta, b’mod ħieles, jagħżlu rappreżentanti biex jiddeċiedu għalihom għal tul ta’ żmien. Dik tibqa’ r-realtà. Il-pajjiż jitmexxa skont id-deċiżjonijiet li jieħu l-Parlament, ħaġa li tagħmlu l-aqwa istituzzjoni.

Tintrebaħ kif tintrebaħ, tintilef kif tintilef, maġġoranza fil-Parlament turi min għandu jmexxi l-pajjiż, jew għandhiex tissejjaħ elezzjoni ġdida.

L-GĦADD TAL-VOTI

Naf nies li jikkunsidraw l-aqwa esperjenza politika tagħhom bħala l-ħin li jgħaddu l-għada ta’ elezzjoni fis-sala tal-għadd tal-voti fejn joqgħodu mill-bidu sal-aħħar tal-proċess li jkun qed jinħadem hemm. Għalihom, dan hu żmien drammatiku għax ikun qed jiġi deċiż il-futur tal-pajjiż għall-ħames snin li jmiss, kif ukoll id-destin ta’ tant u tant kandidati. Apparti minn hekk, togħġobhom id-dehra tal-entużjażmu (jekk dik hi l-kelma t-tajba) tan-nies miġbura hemm biex isegwu l-għadd. 

Qatt ma  qbilt ma’ din l-attitudni. Għalija l-futur tal-pajjiż u tal-kandidati kien diġà ġie deċiż – fil-jum tal-qabel waqt l-att tal-vot. L-għadd tal-voti messu jieħu biss mument, bla drammi u teatrini. Illum għandna t-teknoloġija biex dan isir. Imma kull meta għedt hekk fl-imgħoddi ftit sibt mimn jaqbel ma’ dil-pożizzjoni “stramba”…

IL-KWOTI

Jintqal x’jintqal, il-kwoti għan-nisa f’elezzjoni għadhom meħtieġa. Nies li jimxu mal-linja tal-President Trump jaraw sistema ta’ dat-tip bħala diskriminatorja Fuq bażi matematika, hi. Fuq bażi soċjali – li hu l-kejl li għandu jikkonċernana – mhiex. “Woke” kemm hi “woke” dil-ħaġa (skont Trump u sħabu), l-eżistenza ta’ inugwaljanzi reali fil-mod kif nisa jidħlu u jikkompetu fil-qasam politiku ma tistax tiġi nnegata. Min jagħmel hekk, jinjora fatti magħrufa… l-istess kif f’sitwazzjonijiet oħra, l-iżbilanċi razzjali jiġu injorati… bħal ma qed jiġri bħalissa fl-Istati Uniti.

Veru li l-kwoti li għandna bħalissa setgħu tfasslu aħjar, għax żiedu wisq fin-numru ta’ deputati. Imma dak hu l-arranġament li ntlaħaq. Għandu jiġi sostnut.  Sakemm bi qbil, ma jitfassalx mudell aħjar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport