Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Emilio De Leo, ħabbar skwadra proviżorja ta’ 29 player għall-impenji internazzjonali li ġejjin, fejn Malta se tilgħab erba’ logħbiet fuq perjodu estiż hekk kif it-tim jibda l-kampanja tiegħu fil-UEFA Nations League 2026/27.
Malta se tikkompeti f’League D, wara li telgħet fi Grupp D1 flimkien ma’ Andorra u Ġibiltà. It-tim nazzjonali jibda l-kampanja tiegħu tan-Nations League barra minn darna kontra Andorra nhar il-Ħamis 24 ta’ Settembru, qabel ma jirritorna f’pajjiżna għal tliet logħbiet konsekuttivi: logħba ta’ ħbiberija internazzjonali kontra Liechtenstein nhar il-Ħadd 27 ta’ Settembru, segwita mil-logħbiet tal-UEFA Nations League kontra Ġibiltà nhar il-Ħamis 1 ta’ Ottubru u kontra Andorra nhar il-Ħadd 4 ta’ Ottubru.
Fl-iskwadra inizjali ta’ De Leo hemm wiċċ ġdid fl-ambjent tat-tim ewlieni: Jayden Roe. Il-midfielder ta’ 16-il sena, li jilgħab ma’ Hibernians FC, għamel progress permezz tat-timijiet nazzjonali tal-youths ta’ Malta u rrappreżenta lill-pajjiż fil-livelli ta’ taħt il-15, taħt is-16 u taħt is-17-il sena. Imwieled fis-6 ta’ Marzu 2010, Roe reċentement kien involut ukoll mat-tim ewlieni ta’ Hibernians.
Hemm ukoll ir-ritorn tal-player ta’ Hamrun Spartans, Ryan Camenzuli, li tilef l-impenji internazzjonali ta’ Ġunju minħabba injury. Min-naħa l-oħra, Aleandro Garzia ta’ Birkirkara mhux disponibbli minħabba injury, filwaqt li l-plejer versatili ta’ Hibernians, Joseph Mbong, irid jiskonta sospensjoni ta’ logħba waħda fil-ftuħ tal-UEFA Nations League kontra Andorra.
Il-konfront tal-Ħamis barra minn darna kontra Andorra se jimmarka l-ewwel impenn uffiċjali ta’ Malta għall-istaġun 2026-27. Matul l-aħħar perjodu ta’ logħbiet internazzjonali f’Ġunju, it-tim nazzjonali lagħab żewġ logħbiet ta’ ħbiberija, fejn kiseb rebħa pożittiva ta’ 2-0 fuq l-Ażerbajġan fl-Ungerija wara li sofra telfa fl-aħħar mumenti bl-iskor ta’ 2-1 kontra s-Slovakkja fl-ewwel logħba tagħhom, li ntlagħbet f’Dunajská Streda.
Id-29 player magħżula għalihom minn Emilio De Leo għall-impenji li ġejjin huma:
Goalkeepers
Henry Bonello (Sliema Wanderers FC), Rashed Al Tumi (Birkirkara FC), James Sissons (Chesterfield FC – Ingilterra).
Difensuri
Zach Muscat (Birkirkara FC), Juan Carlos Corbalan (Marsaxlokk FC), Ryan Camenzuli (Hamrun Spartans FC), Kurt Shaw (Hibernians FC), Enrico Pepe (Marsaxlokk FC), Jean Borg (Sliema Wanderers FC), Kean Scicluna (Hamrun Spartans FC), Gabriel Mentz (Gżira United FC), Carlo Zammit Lonardelli (Floriana FC), Myles Beerman (Floriana FC).
Midfielders
Matthew Guillaumier (Hamrun Spartans FC), Brandon Diego Paiber (Valletta FC), Alexander Satariano (Sliema Wanderers FC), Jake Azzopardi (Valletta FC), Teddy Teuma (Sliema Wanderers FC), Adam Magri Overend (Sliema Wanderers FC), Jayden Roe (Hibernians FC).
Attakkanti
Joseph E. Mbong (Hibernians FC)*, Paul Mbong (Floriana FC), Ilyas Chouaref (Sion FC – Żvizzera), Jake Grech (Hamrun Spartans FC), Irvin Cardona (AS Saint-Étienne – Franza), Basil Tuma (Aldershot Town – Ingilterra), Kevin Cannavò (La Spezia Calcio – Italja), Keyon Ewurum (Valletta FC), Andrea Zammit (Valletta FC).
*Joseph Mbong huwa sospiż għall-ewwel partita tal-UEFA Nations League kontra Andorra
