Snooker: Aaron Busuttil isir iċ-Champion Ewropew tas-Six Reds

Aqra wkoll

Aaron Busuttil għalaq bil-kbir l-impenji tiegħu waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Sofia, il-Bulgarija meta, l-Ħadd, fil-kompetizzjoni ndividwali tas-Six Reds matul it-12-il jum ta’ dan il-kampjonat rebaħ kemm is-semi-finali u anke l-finali.

Fis-semi finali li kienet kollha Maltija huwa għeleb lil Chris Peplow, is-sieħeb tiegħu waqt l-istess kampjonat tat-timijiet li flimkien miegħu, il-Ħamis, rebħu l-midalja tal-fidda.

Fil-finali Busuttil iltaqa’ kontra l-Ġermaniż, Alexander Widau li f’logħba fuq l-aħjar minn disa’ frames fejn il-Malti rebaħ bl-iskor ta’ 5-3.

Kien il-Ġermaniż li fetaħ fuq l-offensiv tant li rebaħ l-ewwel frame iżda Busuttil irrisponda mill-ewwel u mar fil-vantaġġ wara t-tielet frame. Fl-erba’ frames suċċessivi ż-żewġ finalisti alternaw b’rebħiet kull wieħed iżda Busuttil dejjem baqa’ fil-vantaġġ. Fl-aħħar frame li għalaq l-finali Busuttil għamel break ta’ 49 punt li kien biżżejjed  biex inaqqax ismu bħala ċ-ċampjin Ewropew tas-Six Reds tal-EBSA wara li s-sena l-oħra f’din l-istess kompetizzjoni kien spiċċa fit-tielet post.

Il-Ħadd ukoll fi ftit siegħat qabel il-finali tas-Six Reds saret il-kompetizzjoni tas-Shoot Out fejn kien Busuttil stess li kiseb l-aħjar riżultat mill-plejers Maltin. Huwa ġie eliminat waqt il-kwarti tal-finali.

Dawn il-kompetizzjonijiet temmew l-impenji tal-kontinġent Malti matul dawn l-aħħar tnax il-ġurnata waqt din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker.

Il-President tal-MBSA, Ivan Brincat, li mexxa d-delegazzjoni Maltija f’Sofia kien kuntent ħafna bil-wirijiet tal-kontiġent Malti li ħa sehem f’dan il-kampjonat u wara r-rebħa mportanti ta’ Busuttil qal “inħossni kburi u sodisfatt immens bil-prestazzjoni tat-tim Malti f’dawn il-Kampjonati Ewropej. Tliet midalji tal-bronż, waħda tal-fidda u waħda tad-deheb, bit-titlu ta’ Champion Ewropew tas-6 Reds, jagħmlu dan l-aqwa riżultat li qatt ksibna f’dawn il-kampjonati. Dan is-suċċess huwa frott l-impenn, is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni tal-plejers tagħna li għamlu unur lill-isnooker Malti u l-Malta”.

Erba’ plejers Maltin issa ser jibqgħu fl-istess venue fejn fil-belt kapitali tal-Bulgarija nhar it-Tlieta jibdew jilgħabu f’wieħed mill-Q Tour events Ewropej għall-istaġun 2026/27. Dan ser ikun it-tieni wieħed minn sensiela ta’ seba’ tours li jintemmu f’Sheffield l-Ingilterra fi Frar li ġej. Bħas-soltu dawn huma organizzati mill-World Professional Billiards and Snooker Association (WPBSA) għalkemm dan l-Q Tour partikolari qiegħed jinżamm bil-kollaborazzjoni tal-EBSA.

Il-plejers Maltin li ser jieħdu sehem f’dan il-Q Tour huma Aaron Busuttil, Alex Borg, Joseph Casha u ibnu Caiden li magħhom jingħaqad ukoll Brian Cini. Huma ser ikunu fost 109 plejers li ser jieħdu sehem f’edizzjoni u li ġejjin minn 24 pajjiż differenti fosthom minn pajjiżi barra l-kontinent Ewropew bħal l-Awstralja, il-Pakistan u Hong Kong.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport