Floriana jirritornaw għar-rebħ b’rebħa kbira fuq Hibernians

Aqra wkoll

Hibernians……………..0

Floriana…………………4

Floriana irritornaw għar-rebħ fil-VBET Malta Premier hekk kif kisbu skor kbir ta’ 4-0 kontra Hibernians f’logħba li prattikament ġiet deċiża fl-ewwel taqsima.

Għal Hibernians diżappunt ieħor totali hekk kif sofrew it-tielet telfa staġjonali filwaqt li rari impenjaw lill-goalkeeper ta’ Floriana Guilherme Cioletti.

Fit-12-il minuta Floriana resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Paul Mbong, min-naħa tax-xellug, tefa’ cross lejn Federico Varela, li minn pożizzjoni tajba prova x-xutt, iżda l-goalkeeper ta’ Hibernians Matteo Cardinali kien attent u salva. L-azzjoni kompliet bil-ballun jasal għand Stephen Odey, iżda x-xutt tiegħu għadda għoli minn fuq il-lasta.

Fit-22 minuta reġgħu kienu l-Greens perikolużi. Myles Beerman tefa’ cross tajjeb fid-direzzjoni ta’ Odey, iżda Cardinali ħareġ fil-ħin u antiċipa tajjeb ħafna lill-attakkant ta’ Floriana.

Ħames minuti wara, Paul Mbong għadda ballun lejn Odey, li prova x-xutt, iżda l-konklużjoni tiegħu kienet devjata mid-difiża ta’ Hibernians.

Fil-35 minuta Floriana fetħu l-iskor permezz ta’ FEDERICO VARELA, li għeleb lil Cardinali bi free-kick mill-isbaħ biex poġġa lill-Greens 1-0 minn fuq.

Floriana rduppjaw l-iskor fil-45 minuta meta wara nuqqas fid-difiża, kien PAUL MBONG li ħa ballun tajjeb u wara li qabeż lill-goalkeeper xeħet fix-xibka. Minkejja li għall-bidu l-gowl ġie mħassar, Floriana talbu li jiġi rivedut fuq l-FVS u eventwalment dan ġie konvalidat.

Fit-48 minuta Hibernians ippruvaw jirreaġixxu meta Moritz Romling tefa’ cross tajjeb lejn Joseph Mbong, li laqat bir-ras, iżda l-ballun ġie devjat f’corner mid-difiża ta’ Floriana.

Bl-ewwel taqsima li ntemmet 2-0 favur Floriana.

Fil-55 minuta Floriana reġgħu kienu perikolużi meta Stephen Odey prova xutt mill-viċin, iżda id-difensur ta’ Hibernians N’Zi Yao Olivier Juslin intervjena fil-ħin u tajjar il-ballun f’corner.

Fil-61 minuta, Hibernians kellhom gowl ta’ Jurgen Degabriele imħassar wara li nqabad f’pożizzjoni irregolari.

Minkejja kollox, il-Furjaniżi għamluhom tlieta fit-68 minuta meta kien Paul Mbong li qassam tajjeb lejn STEPHEN PIUS ODEY li wara li dar tajjeb, fajjar xutt li ħasad għal kollox lil Cardinali.

L-istess Cardinali kellu jkun tajjeb ħafna sabiex jilqa’ ballun tajjeb wara daqqa ta’ ras perikoluża ta’ Paul Mbong.

Azzjoni rari ta’ Hibernians seħħet fit-82 minuta meta s-sostitut Duane Bonnici sab iżda lil Cioletti attent.

Floriana skorjaw ir-raba’ u l-aħħar gowl minuta mid-90 minuta meta s-sostitut ROBERT MURIC tħalla jgħaddi liberu u b’xutt fil-baxx ġiegħel lil Cardinali jiġbor il-ballun mix-xibka.

Hibernians: Matteo Cardinali, Moritz Romling (Fabian Jankovic 72), Kurt Shaw, Joseph Mbong, Bjorn Kristensen, N’Zi Yao Olivier Juslin, Ryder Matos Santos Silva (Jurgen Degabriele 19), Matthew Ellul (Dexter Xuereb 60), Jayden Roe (Jamie Wahling 60 min), Mouad El Fanis, Khevin Rodrigo Fraga (Duane Bonnici 72) Coach: Tugberk Tanrivermis

Floriana: Guilherme Cioletti Ferreira da Silva, Myles Beerman, Amar Drina, Paul Mbong (Alen Kurtalic 83), Federico Nicholas Varela Escudero (Martins de Paola 88 min), Dunstan Vella (Nikita Shepetkin 83), Gaston Manuel Romano, Owen Spiteri, Carlo Zammit Lonardelli (Robert Muric 83), Tomislav Gudelj (Kenan Dervisagic 64), Stephen Pius Odey Coach: Daniel Portela

Referee: Joseph Scerri

Assistenti: Luke Portelli, James Muscat

Raba’ Uffiċjal: Daniel Casha.

Ammoniti: Moritz Romling (H)

Skorers: F. Varela 35, P. Mbong 45, S. P. Odey 68, R. Muric 90 (F)

Player tal-Logħba: Federico Varela (F)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport