Sunday, June 7, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela jsostni li Gvern Laburista se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija b’mod sostenibbli

Iżur boutique winery li tattira iktar turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li Gvern Laburista se jkompli joħloq il-ġid sostenibbli billi jinċentiva investiment ta’ livell li minnu jgawdu n-negozji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

Dr Abela wassal dan il-messaġġ meta dalgħodu żar il-boutique winery Markus Divinus, flimkien mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, il-Kap Eżekuttiv Leonid McKay u l-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri.  

Din iż-żjara saret fl-isfont taċ-ċertifikati li għadha kif irċeviet Malta din il-ġimgħa mill-Kummissjoni Ewropea, il-Eurostat u S&P Global, li wrew kif pajjiżna qed ikompli jirreġistra l-akbar tkabbir ekonomiku u jirnexxielu jilħaq il-miri fiskali tiegħu qabel iż-żmien.

Dr Abela qal li t-turiżmu huwa s-sinsla tal-ekonomija u għalhekk il-Gvern qed isaħħaħ il-konnettività b’titjiriet minn u lejn swieq ġodda bil-għan li jiffoka iktar fuq turiżmu ta’ kwalità. 

Spjega li mil-lum il-Ħadd 7 ta’ Ġunju se jibdew jopraw it-titjiriet minn New York permezz tal-linja tal-ajru Delta Air Lines (bl-ewwel titjira se tasal Malta għada). Qal li din il-linja tal-ajru se tkun l-ewwel waħda mill-Istati Uniti li se jibda jkollha titjiriet diretti 3 darbiet fil-ġimgħa bejn l-Ajruport ta’ JF Kennedy u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.  

Sid in-negozju Markus Divinus, Mark Borg, qal li ilu iktar minn 20 sena jikkultiva raba’ b’kollaborazzjoni mal-bdiewa fl-inħawi tas-Siġġiewi, ir-Rabat, u Ħad-Dingli, biex ikun jista’ jkabbar tipi differenti ta’ għeneb bil-għan li jipproduċi l-inbid lokali.  Spjega kif ilu jipproduċi mas-6,000 flixkun inbid fis-sena minn dawn id-dwieli, li wħud minnhom ilhom jiġu kkultivati bejn 28 u 55 sena mill-bdiewa.

Borg fisser l-importanza ta’ negozji ta’ din ix-xorta, speċjalment għal niċċa turistika li qed tikber sena wara l-oħra, tat-turisti li jżuru Malta għal esperjenza gastronomika. Qal li din hija waħda mill-kumpaniji Maltin li qed jattiraw dat-tip ta’ turisti ta’ kwalità, bil-maġġor parti tagħhom jiġu mill-Istati Uniti li jfittxu dawn it-tip ta’ esperjenzi partikolari.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport