Sunday, December 22, 2024

French Open: Sinner jikkwalifika … Nadal eliminat

Aqra wkoll

Iċ-champion tal-Austra­lian Open, Jannik Sinner, kiseb rebħa faċli fuq Christopher Eubanks, biex il-kampanja tiegħu fil-French Open kellha bidu mill-aqwa.

It-Taljan Sinner tħabat ma’ injury fil-ġenbejn fil- preparazzjoni għal Roland Garros iżda kollox mexa tajjeb f’rebħa ta’ rutina, 6-3 6-3 6-4.

Sinner deher inkwetat biss meta serva l-partita, fejn ta lill-avversarju Ame­rikan tiegħu żewġ break points bi żball doppju qabel irkupra biex issiġilla r- rebħa.

Huwa kellu wirja qawwija kontra Eubanks, fejn ipproduċa 33 shots rebbieħa waqt li salva disgħa mill-10 break points li ffaċċja.

Issa se jiffaċċja lill-favo­rit domestiku, Richard Gasquet, li għeleb lill-Kroat Borna Coric 7-6 (7-5) 7-6 (7-2) 6-4.

Il-Grieg, Stefanos Tsitsipas, kiseb rebħa fi tliet sets biex anke hu kompla javvanza għalkemm fl-ewwel wieħed kellu jitħabat meta ħadu b’tiebreak. Huwa rebaħ lill-Ungeriż, Marton Fucsovics 7-6 (9-7) 6-4 6-1.

Mhux l-istess xorti messet liċ-champion ta’ 14-il titlu f’Roland Garros l-Ispanjol, Rafael Nadal, li f’logħba ferm missielta kellu jbaxxi rasu kontra l-Ġermaniż, Alex­ander Zverev, 6-3, 7-6 (7-5) 6-4. 

Andy Murray seta’ lagħab l-aħħar partita tiegħu tas- singles f’Pariġi wara li tilef kontra Stan Wawrinka f’konfront tal-ewwel round li xaqleb fuq naħa waħda bejn l-avversarji veterani.

Il-Brittaniku Murray, ta’ 37 sena, qal li din is-sena x’aktarx tkun l-aħħar waħda tiegħu fit-tour u evita operazzjoni wara injury fl-għaksa sabiex jirritorna f’Roland Garros.

Iżda n-nuqqas ta’ ħin tiegħu fil-court kien evidenti f’telfa ta’ 6-4 6-4 6-2 kontra l-Isvizzeru ta’ 39 sena.

IGA SWIATEK TIBDA B’REBĦA F’61 MINUTA

Il-player numru wieħed tad-dinja, Iga Swiatek, fet­ħet id-difiża tat-titlu tagħha meta għelbet lill-kwalifikata, il-Franċiża Leolia Jeanjean, b’żewġ sets, 6-1 6-2, fit-tieni jum ta’ dan l-Open.

Hija qed timmira li ssir l-ewwel player femminili mindu Justine Henin fl-2007 rebħet tliet titli konsekuttivi f’Roland Garros.

Swiatek issa għandha laqgħa ntriganti maċ-champion erba’ darbiet ta’ tournaments maġġuri, Naomi Osaka, li qed tkompli r-ritorn tagħha mill-waqfa tal- maternità.

Ix-xita żammet ħafna mil-logħob lura l-bieraħ, għalkemm iċ-champion ta’ Wimbledon, iċ-Ċeka, Marketa Vondrousova, setgħet tlesti rebħa enfatika ta’ 6-1 6-3 fuq Rebeka Masarova ta’ Spanja kmieni fil-ġurnata.

It-Tuneżina Ons Jabeur, li għadha qed tfittex l-ew­wel titlu tagħha ta’ Grand Slam wara tliet tmiem fina­listi, kienet ugwalment bla ħniena meta bagħtet lill- wildcard Amerikana, Sa­chia Vickery, tippakkja, 6-3 6-2.

Ekonomija

Sport