Il-president ta’ Barcelona Joan Laporta afferma l-pożizzjoni tal-club rigward Frenkie de Jong, fejn saħaq li mhux għall-bejgħ minkejja l-interess tat-trasferiment minn Manchester United.
Il-ġimgħa li għaddiet kien mifhum li ftehim għall-midfielder Olandiż kien 90 fil-mija komplut.
Iżda l-president tal-club Laporta sostna li l-ġganti Katalani ma jridux jittrasferixxuh barra mill-pajjiż, u jidher li indika li se jkun parti kbira mit-team ta’ Xavi fl-istaġun li ġej.
Huwa qal dan f’konferenza stampa li fiha ġie ppreżentat l-akkwist il-ġdid Franck Kessie: ‘Frenkie mhux għall-bejgħ. Huwa player ta’ Barcelona. Ma rridux nittrasferixxuh.’
Il-player ta’ nofs il-ground De Jong jinsab fuq nett tal-lista qasira tat-trasferimenti tal-manager il-ġdid tal-United Erik ten Hag dan is-sajf hekk kif qed ifittex li jbiddel radikalment l-iskwadra tar-Red Devils.
L-Olandiż jippjana li juża lill-player internazzjonali Olandiż ta’ 25 sena bħala l-ankra tal-midfield tiegħu.
Huwa mifhum li United se jħallsu madwar £55 miljun inizjali lill-club Spanjol għal De Jong, bis-somma potenzjalment titla’ għal qrib is-£70 miljun.
Jidher li De Jong kien miftuħ biex jiffirma mal-United u li r-Red Devils jaqblu ma’ termini personali mal-Olandiż x’aktarx ma kinitx se tkun problema.
Tabilħaqq, l-attrazzjoni ta’ rijunjoni ma’ Ten Hag kienet deskritta bħala fattur ewlieni fir-rieda ta’ De Jong li jsir player tal-United dan is-sajf.
De Jong lagħab 140 darba ma’ Barcelona minn mindu ngħaqad magħhom mingħand Ajax, u skorja 13-il goal fit-tliet staġuni tiegħu. L-uniku trofew li rebaħ fil-Camp Nou kienet il-Copa del Rey fl-2021.