Tuesday, April 16, 2024

Fruntieri tal-Globalizazzjoni

Aqra wkoll

Kellha tkun l-pandemija tal-corona virus biex turina bl-aktar mod qawwi kif bil-globalizzazzjoni, l-fruntieri baqgħu jitilfu kull saħħa biex jipproteġu liċ-ċittadini.
Mhux għax meta kien hemm xi imxija fl-imgħoddi, din ma kenitx tibqa’ għaddejja minn ġens għal ġens. Kif intqal kemm-il darba, il-mikrobi ma għandhomx bżonn ta’ passaport biex jidħlu kullimkien. Kif għamlu mill-eqdem żminijiet…
Id-differenza did-darba hi l-ħeffa li biha l-virus wasal fil-kontinenti kollha. Speċjalment fl-Ewropa, dan qed isaħħaħ il-ħtieġa li wara kull fruntiera, jinżammu servizzi ta’ ħarsien u kura li jkunu kullimkien tal-istess kwalità għolja. B’hekk jiġi żgurat li l-miżuri li jittieħdu kontra l-imxija jagħtu lil kulħadd l-istess kejl ta’ protezzjoni.
Ovvja li għal ċerti pajjiżi, dan ikollu jfisser impenn u spiża akbar biex jitjiebu s-servizzi tas-saħħa tagħhom. Jekk le, bħas-soltu, la l-globalizzazzjoni u l-ħolqien ta’ suq wieħed Ewropew waslu sa hawn, il-protezzjoni li tista’ tinħoloq kontra imxija bħall-corona virus se tkun effettiva biss daqs l-aktar ħolqa dgħajfa fil-katina ta’ ħarsien.

ŻMINIJIET STRAMBI
F’dawn iż-żminijiet jinħass ċar is-sentiment ta’ stramberija: qed naffaċċjaw problema unika, li qatt ma ffaċċjajna qabel, u li qed tolqot lil kulħadd.
Naħseb li ħadd minna li jinsab ħaj ma jiftakar xi żmien ta’ pesta. Iva, kien hemm żminijiet fejn il-poljo jew il-kolera jew anke l-influwenza nħassu bħala theddida għas-soċjetà tagħna, biex ma nsemmux l-AIDS. Imma qatt dit-theddida ma kienet mifruxa daqshekk b’mod li tista’ tolqot il-miljuni.
Il-ħsieb li l-aktar li jmutu biha huma x-xjuħ donnu ta lil ċerti nies, “liċenzja” biex jisfidaw l-istruzzjonijiet sanitarji, b’periklu kbir għalihom u għall-familjari tagħhom.
L-istess kien jiġri fi żminijiet ta’ pesti akuti ta’ imgħoddi mhux daqstant imbiegħed: la kulħadd se jintlaqat, kienu jgħidu, għaliex nikkrepaw fil-ftit tal-jiem li baqagħlna? Mhux aħjar nixxalawhom?

RUMANZI DWAR…
Logħba “letterarja” li sibt ruħi nilgħab ma’ xi ħbieb bl-e mail kienet li nsemmu rumanzi fejn xi pesta jew imxija tkun qed tinxtered bla rażan. Eskluż minnufih id-Decamerone ta’ Boccaccio li kuħadd jibda biex isemmi.
Fost it-titoli li telgħu: A Journal of the Plague Year (Daniel Defoe); I Promessi Sposi (Alessandro Manzoni); Żmien il-Qerda (Ġuże Cardona); Old St Paul’s (Harrison Ainsworth); La Peste (Albert Camus)…
Tista’ tilgħab l-istess logħba dwar films fejn idaħħlu t-tema ta’ imxija li tinfirex. Teskludi films li huma addattament ta’ xi rumanz mill-imsemmija. Hawn l-aktar bogħod li nasal jkun “Is-Seba’ Siġill” imma bla dubju hemm ħafna aktar.

Ekonomija

Sport