Monday, April 22, 2024

Il-coronavirus u Jum il-Konsumaturi

Aqra wkoll

Il-paniku tal-corona virus

Problema li laqtitna dan l-aħħar hi l-problema tal-virus corona.

Virus perikoluż li bħalissa qed jolqot id-dinja.  Sakemm qed nikteb din il-biċċa kellna ftit każi – każi li kollha ittieħdu barra minnMalta.  Sfortunatament mhux kollha obdew il-pariri li ta il-Ministeru tas-Saħħa li wara li jaslu Malta jiżolaw ruħhom għal ħmistax.  Fortunatament s’issa ma nxteritx internament.

Dan il-virus qajjem paniku man-nies qabel ma tfaċċa Malta.  Dan kien tort tas-social media.  Hemm nies li l-gost li jaqilgħu qlajjiet biex joħolqu paniku.  Ħafna drabi dawn mhux nies innoċenti u ġeneralment ikollhom skop f’moħħhom.  Il-ħasra hi li ħafna nies kif jisimgħu xi ħaġa ġdida mal-ewwel iqassmuha ma’ sħabhom.  Tista’ tgħid li l-maġġoranza tan-nies ma jiċċekjaw xejn u dak li jaraw ikomplu jxerduh.  Huma dawn in-nies li huma l-‘pawns’ ta’ min joħloq il-fake news.

F’April tal-2017 kont ġibt artiklu fejn semmejt passi li kull wieħed u waħda għandhom jieħdu biex ma jkunux kompliċi fit-tixrid tal-fake news.  Dawn kienu ġew żviluppati minn assocjazzjoni Amerikana Veritas li tiġġieled dawn il-qlajjiet.  Hemm tlett affarijiet li għandna nagħmlu biex ma nkunux pupazzi ta’ min irid joħloq il-qlajjiet:

Ixxerridtx aħbarijiet mingħand min ma tafux sew.  Il-fatt li hu qiegħed friend fuq il-Facebook miegħek ma jfissirx li tafu u tista’ tafdah.

Minkejja li l-persuna li qed tqassam l-aħbarijiet tkun taf li tista’ toqgħod fuqa staqsi minfejn ġabet l-informazzjoni.  Jekk ma jinfurmakx, ieqaf u tkomplix ixxerred qlajjiet li ħafna drabi huma gideb.

Jekk jinfurmak minn fejn ġab l-informazzjoni iċċekkja u ara li min ħareġ din l-aħbar għandu l-provi jew inkella jekk dak li qed jingħad jagħmilx sens. Ikkonrolla l-preġudzji tiegħek.

Dawn ta’ fuq ma jgħoddux biss għas-social media iżda anki għal gazzetti, tv u radju.  Dan lanqas jgħodd biss għall-kbar iżda anki għat-tfal li għandhom aċċess tas-social media.  Illum nafu li ħafna mill-bullying li jsir fl-iskejjel isir permezz tas-social media wkoll.

Li kieku nagħmlu hekk nikkontrollaw dan l-abbuż li jaqla’ paniku għalxejn.

Niġu għall-paniku li nqala’ fuq ix-xiri.  Biex inkunu ġusti dan mhux f’Malta biss inqala’.  Din bdiet minn xi ħadd li beda jxerred dak li kien qed jiġri barra.  Min kien ma staqsiex x’inhu l-impatt ta’ dan u jekk dan jagħmilx sens.

Li wieħed jaħżen affarijiet ta’ kuljum ma jagħmilx sens.  Dan għaliex bl-ebda mod mhu ser inaqqas it-tixrid tal-virus.  It-tixrid tal-virus nistgħu nikkontrollawh billi nieħdu ċerti passi u mhux billi jkollna ħażna ta’ affarijiet.

L-uniċi effetti li dan joħloq huma tnejn.  L-ewwel huma l-għoli ta’ prezzijiet.  Jekk xi ħadd jaħseb li min qed ibigħ mhux ser jieħu okkażjoni biex ikabbar il-profit, għandu żball.  Fil-fatt sew fl-Italja u sew fl-Ingilterra hekk ġara.  Fl-Italja, il-problema kienet akbar u s-supermarkets kellhom jimponu razzjon kemm kull konsumaturi jista’ jagħmel f’kull xirja.  Fl-Ingilterra hemm pressjoni mhux biss biex l-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni tinvestiga, iżda hemm pressjoni biex il-gvern jiffissa l-prezzijiet kemm ċerta oġġetti għandhom jinbiegħu.

B’danakollu, it-tixrid tal-virus sew fl-Italja u sew fl-Ingilterra xorta baqa’ jinxtered.  Sempliċiment li l-impatt hu li l-konsumaturi qed iħallsu aktar.

Jekk irridu innaqqsu t-tixrid ta’ dan il-virus kull ma għandna nagħmlu hu li nimxu mad-direzzjonijiet li qed jagħti l-Ministeru tas-Saħħa.

Tajjeb li niftakru li l-corona virus mhux l-uniku virus li hawn fid-dinja.  Jekk nieħdu l-influwenza, din tinxtered għaliex aħna stess inxerrdu l-virus tal-influwenza.  L-unika differenza hi li llum drajniha u drajna ngħixu il-ħajja normali tagħna minkejja li anki l-influwenza tista’ tikkaġġuna ħafna mwiet.

Dan ġara għaliex illum daħħalna ċerti użanzi li nistgħu nikkontrollawha.  U ma narax għaliex ma nistgħux nagħmlu l-istess b’dan il-virus u bil-virusis li għada pitgħada ser jiżviluppaw.

L-aħħar nota fuq din il-problema.  Jien ktibt li min ixerred dawn il-qlajjiet ġeneralment ikollu intenzjoni ħażina.  Fil-fatt anki f’din il-problema hemm min għandu intenzjoni ħażina.  Insemmi biss li kien hemm min qed ixerrida fuq is-social media biex it-tobba jistrajkjaw.  Jekk mhix ġennata din, ma nafx x’tista’ tkun.  Jien ċert li t-tobba jafu dmirhom u jafu wkoll il-ġurament li ħadu meta iggradwaw.  Barra minhekk, it-tobba tagħna huma mħarrġa sew biex filwaqt li jieħdu kura tal-pazjenti, jieħdu kura tagħhom infushom.  Dan barra l-fatt li l-miżuri li qed jittieħdu qed iħarsu lit-tobba tagħna.  Hu għalhekk li l-Ministeru tas-Saħħa ħareġ in-numru 111 biex min iħoss is-sintomi ma jikkuntattjax lit-tabib tiegħu iżda jaqbad ma’ tobba speċjalizzati biex dawn jieħdu ħsiebu mingħajr ma jipperikolaw la lilhom infushom u lanqas lil ħaddieħor.

Jekk verament irridu nwaqqfu t-tixrid ta’ dan il-virus, mhux nikkummentaw u nxerrdu fake news fuq is-social media iżda li nimxu mal-istruzzjonijiet u l-pariri li ningħataw.

Jum il-Konsumaturi – insostnu l-konsum

Din is-sena f’Jum il-Konsumaturi, 15 ta’ Marzu, l-għaqdiet tal-konsumaturi qed iħeġġu lil-konsumaturi biex jagħtu sehemhom biex niggarantixxu ambjent aħjar u nassiguraw konsum tajjeb għall-futur.

Biex isir dan, il-konsumaturi irridu ndaħħlu użanzi ġodda biex filwaqt li jkollna ħajja aħjar, nassiguraw il-futur.  Din it-tema illum għandha importanza speċjali minħabba l-isfida li għandna quddiemna tal-corona virus.  Ir-raġuni prinċipali hi li rridu ndaħħluha f’moħħna li hemm bżonn li ntejbu l-użanzi tagħna.  Jekk m’aħniex ser intejbu l-użanzi tagħna mhux biss mhux ser jirnexxilna li niffaċċjaw din il-problema tal-corona virus, iżda ser ikollna inħabbtu wiċċna ma’ ħafna problemi ġodda sew tal-ambjent u ta’ konsum – problemi li jmermru l-kwalita’ tal-ħajja.

Dan  barra l-ambjent.  Hemm studji li qed jindikaw li jekk maħniex ser intejbu kif ngħixu, sa ħmistax il-sena oħra l-ambjent ser jinbidel għall-agħar b’mod kbir.

Ġew identifikati 5 oqsma fejn il-konsumaturi jistgħu jgħinu.  L-ewwel hu l-ikel.  Hu stmat li madwar 30-40% tal-ikel kollu li niproduċu jintrema.  Hu għalhekk li nixtru u nsajru ikel kemm għandna bżonn.  Li nixtru ħafna iwassal għal ħela għaliex l-affarijiet tal-ikel jekk ma nkunux nafu nipriservahom, imorru.

Qasam ieħor hu kif aħna mmor minn post għal ieħor.  Personalment naħseb li din hi waħda mill-akbar problemi li għandna aħna l-Maltin għax ma rridux li nibdlu l-użanzi tagħna.  Jekk tgħati daqqa t’għajn lejn it-toroq issib li ħafna mill-karozzi privati kull ma jkollom hu min qed isuq ġo fihom.  Hi ħasra li ftit huma dawk il-Maltin li qalbu għat-trasport pubbliku.  Veru il-passiġġieri żdiedu iżda ħafna minnhom huma barranin.  Il-maġġoranza ta’ passiġġieri Maltin issib li huma jew anżjani jew żgħażagħ wara li l-gvern ipprovdilhom t-trasport b’xejn.

Dan huwa biss aspett wieħed għax hemm ħafna affarijiet li m’aħniex nagħmlu.  Per eżempju, naqsmu l-vjaġġ tagħna ma ħaddieħor, nużaw karozzi li jużaw fjuwil li ma jħammitx daqs id-diesel u l-petrol.  L-istess ftit għadhom bdew jużaw ir-roti biex imorru x-xogħol bihom għalkemm żdiedu sew bħala sport.  L-istess huma ftit barranin li jużaw scooters ta’ l-elettriku.

L-investiment hu qasam ieħor.  Aspett ta’ dan hu id-djar tagħna.  Minħabba li m’għandniex temperaturi estremi tul is-sena, ħafna mill-bini tagħna m’hux insulat.  Fil-fatt illum minħabba li aktar ikollna temperaturi għolja milli baxxi, hu fi sajf li naħlu l-aktar elettriku minħabba li nużaw l-air conditioners.  Minkejja li llum hu obligat li meta wieħed jixtri post suppost li jingħata certifikat ta’ kemm il-post hu ‘energy efficient’ ftit nagħtu każu bir-riżultat li xorta ma tantx nagħtu każ dan l-aspett.

Iż-żewġ aspetti oħra huwna kif niddevertu speċjalment meta nsiefru.  Illum hu mportanti li barra li mmorru f’postijiet aktar siguri minħabba l-virua corona, għandna nibdew imorru f’lukandi li għandhom l-ecolabel.  Dan sew għas-saħħa tagħna u sew għal-ambjent.

L-aħħar aspett hu li nixtru dak biss li għandna bżonn.  Dan mhux qed nirreferi biss għall-panic buying li kien hawn dan l-aħħar iżda għal affarijiet oħra speċjalment il-ħwejjeġ.

Dawn l-affarijiet li semmejt mhux xi ħaġa diffiċli biex nirranġawhom.  Kull ma rridu hi li nibdew nibdlu l-użanzi tagħna biex sew aħna u wlieda u ulied uliedna jkollhom ħajja aħjar.

Sport