Sunday, December 22, 2024

F’sena l-BCRS ġabret ’il fuq minn 204 miljun kontenitur tax-xorb

Aqra wkoll

BCRS Malta Ltd, l-operatur liċenzjat tal-Iskema Nazzjonali tar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb, qed timmarka s-sena inawgurali tagħha b’kisba straordinarja: il-ġbir ta’ aktar minn 204 miljun kontenitur tax-xorb. Dan it-tragward sinifikanti jirrifletti l-impenn tal-kumpanija sa mill-bidu nett lejn prattiċi tar-riċiklaġġ responsabbli.

F’kumment dwar ir-riżultati, is-Sur Pierre Fava, Chairman ta’ BCRS Malta Ltd, esprima l-apprezzament tiegħu għar-rata għolja ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-pubbliku biex tħaddan din l-inizjattiva tal-ekonomija ċirkolari.L-impenn tal-komunità jafferma mill-ġdid l-effiċjenza li jkun adottat qafas li jippromwovi r- responsabbiltà kondiviża, li flimkien iwassal għal Malta u Għawdex aktar nadifa. Il-ġbir ta’ aktar minn 204 miljun kontenitur tax-xorb huwa xhieda tal-isforzi kollettivi tat-tim tagħna, flimkien mal-istakeholders, u tal-pubbliku. Flimkien, għamilna passi sinifikanti fit-tnaqqis tal-iskart u qed inrawmu kultura ta’ riċiklaġġ,” innota ċ-Chairman.

Fis-sena minn meta bdiet topera f’Novembru tal-2022, BCRS Malta ġabret 79% tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss fiċ-ċirkolazzjoni. Il-kontenituri miġbura ġew mibgħuta lil operatur approvat biex jiġu riċiklati b’mod effettiv, u inkisbet rata ta’ riċiklaġġ ta’ 72%.

L-Iskema, li hi approvata bis-sħiħ mill-korpi kostitwiti kollha f’Malta, hi r-riżultat ta’ sforz kollaborattiv bejn il-komunità kummerċjali privata lokali, appoġġ governattiv, u aderenza mar-Regolamenti u Dispożizzjonijiet Legali tal-BCRS approvati mill-Kummissjoni Ewropea. L-Iskema topera fuq Prinċipji ta’ Ekonomija Ċirkolari effettivi, u imħadma mill-BCRS biex timmaniġja l-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss magħmulin mill-plastik, metall u ħġieġ.

Is-Sur Alan Meilak, Kap Eżekuttiv ta’ BCRS Malta Ltd, enfasizza li l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari jdur madwar ir-riċiklaġġ perpetwu ta’ kwantità fissa ta’ materjal. Biex jinkiseb dan, l-Iskema tagħna tiżgura fluss ta’ ġbir separat li jissalvagwardja kontra l-kontaminazzjoni, iżżomm dan il-materjal miġbur f’kundizzjoni nadif u tal-aqwa kwalità sabiex il-proċess tar-riċiklaġġ ikun effettiv u komplut.”

Barra minn hekk, BCRS Malta Ltd qed tkompli taħdem mar-regolatur u l-awtoritajiet rilevanti biex tiżgura li r-regolamenti applikabbli jiġu mħarsa, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali fis-suq lokali kollu.

“Filwaqt li dawn iċ-ċifri jirriflettu kisba notevoli fis-sena inawgurali tagħna, jindikaw ukoll li għad fadal xogħol xi jsir u lok għal iktar titjib. Sabiex ikun hemm impatt saħansitra ikbar se jkun jeħtieġ aktar kollaborazzjoni u infurzar bejn il-gvern, in-negozji, u l-pubbliku. Jekk kull parti mis-soċjetà tħaddan ir-rwol tagħha u tagħti s-sehma bis-sħiħ, dan is-suċċess jista’ jitkattar, u jmexxina lejn ekosistema ta’ riċiklaġġ aktar sostenibbli u effiċjenti. Bħala BCRS Malta, aħna ninsabu impenjati li nkomplu nsaħħu l-isforzi tagħna u nrawmu kultura fejn ir-riċiklaġġ ta’ kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss issir parti mir-rutina ta’ kulħadd,” temm jgħid is-Sur Meilak.

BCRS Malta Ltd investiet ’il fuq minn €20 miljun fil-BCRS Clearing Centre f’Ħal Far, u skjerat teknoloġija avvanzata inkluż Reverse Vending Machines (RVMs) imħaddma bl-IoT, magni Quantum bulk-feed, u taħriġ ta’ ħaddiema. L-iskema topera permezz ta’ netwerk estensiv ta’ RVMs, li joffru lill-konsumaturi rifużjonijiet tad-depożiti, permezz ta’ vawċers, bi skambju għal kontenituri vojta tax-xorb li jintużaw darba biss.

Il-konsumaturi mbagħad jistgħu jifdu l-vawċers tagħhom fis-supermarkets, u l-ħwienet tal-merċa parteċipanti li jservu bħala postijiet tal-fidwa.

Ekonomija

Sport