Tuesday, September 2, 2025

F’sena, mal-1,200 persuna jagħmlu talba lill-BCA għal servizz ta’ Avukat u Perit b’xejn

Aqra wkoll

Fl-ewwel sena mill-introduzzjoni tas-servizz bla ħlas ta’ Avukati u Periti, mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, kien hemm 1,200 persuna li għamlu użu minnu. Minn dawn, 966 persuna kellhom il-każ konkluż, u dan jimmarka 81% ta’ dawk kollha li għamlu użu mis-servizz ħadu xi tip ta’ risposta. Fir-rigward tad-19% l-oħra, il-każ tagħhom għadu għaddej u mistennija li jkollhom risposta dwar l-eżitu, fil-ġimgħat li ġejjin. Dan minħabba li t-talbiet kienu riċenti u għalhekk il-proċess għadu għaddej. Proċess jista’ jieħu l-ġimgħat, hekk kif il-Perit jew l-Avukat ikun qed jitkellem b’mod kontinwu mal-persuni sabiex jibni l-każ tiegħu.

Dan is-servizz, li qed jiġi offrut mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, huwa intiż għal dawk il-persuni li maġenbhom hemm xi sit ta’ kostruzzjoni li fuqu hemm il-permess tal-istess Awtorità. Permezz ta’ dan is-servizz wieħed jista’ jara x’inhuma d-drittijiet legali tiegħu permezz ta’ Avukat, u anke jkun jista’ jitlob pariri tekniċi oħra permezz ta’ Perit.

Fit-2 ta’ Settembru tas-sena l-oħra, l-Awtorità flimkien mal-Gvern kienet ħabbret li ġew ingaġġati 10 Periti u 10 Avukati li se jkunu disponibbli għal pubbliku sabiex wieħed jagħmel użu minnhom f’dak li għandu x’jaqsam purament ma’ kostruzzjoni. Fost il-kundizzjonijiet sabiex wieħed juża dan is-servizz, hemm li s-sit ta’ kostruzzjoni jrid ikun fil-viċinanzi tal-proprjetà u x-xogħlijiet jistgħu jaffetwaw lill-istess proprjetà. Wieħed ukoll jista’ japplika għal dan is-servizz wara li tkun inħarġet il-clearance tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fuq is-sit inkwistjoni.

Dwar dan it-tragward, ikkummenta l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard,  li fisser dan is-servizz bħala ħolqa minn katina ta’ inizjattivi li ttieħdu u qed jittħiedu fis-settur biex ikomplu jogħlew l-istandards u ċ-ċittadini jingħataw kull sostenn biex iħarsu d-drittijiet tagħhom.

“Dan is-servizz jingħaqad mal-linja ta’ għajnuna 138, li kienet ġiet imħabbra ftit tal-ġimgħat qabel dan is-servizz. Il-linja 138 tagħti vuċi lill-pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, u b’dan is-servizz konna kkonsolidajna d-drittijiet tat-terzi, hekk kif permezz ta’ dan is-servizz jistgħu jsemmgħu leħinhom b’mod tekniku u legali. Dan is-servizz flimkien ma’ diversi inizjattivi oħra marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni, juru kemm dan il-Gvern huwa proattiv u lest iħares lejn servizzi ġodda biex ikun ta’ sostenn liċ-ċittadin. Konxji li fadal ħafna xi jsir, però daqstant ieħor determinati li fi żmien li ġej inkomplu nsaħħu u nvaraw servizzi u inizjattivi ġodda”, qal il-Ministru Attard.

Huwa kompla jgħid kif dawn l-inizjattivi imorru pari passu mal-viżjoni ta’ pajjiżna 2050, li ssemmi b’mod partikolari s-sostenibbiltà fis-settur tal-kostruzzjoni. Qal li sostenibbiltà ma tfissirx biss li jkollna industrija bl-anqas impatt ambjentali, imma li tkun ukoll industrija bl-anqas impatt fuq il-pubbliku. Temm jgħid li fl-aħħar sena daħlu fis-seħħ il-liġijiet dwar il-liċenzjar tal-Kuntratturi u l-Bennejja, u l-pass li jmiss huwa li issa tidħol fis-seħħ il-liġi dwar l-iSkill Cards li se tagħti serħan il-moħħ li dawk kollha li jaħdmu fil-kostruzzjoni għandhom il-ħiliet meħtieġa.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, spjega kif il-każijiet, tal-aħħar sena, b’rabta mas-servizz tal-Avukati u l-Periti, kienu varji u hawnhekk l-Awtorità ħadet stokk ta’ dak kollu li t-terzi jkunu għaddejjin minnu fi djarhom. Spjega kif l-ewwel li ma jrid isir huwa rapport formali mal-Awtorità u li minn hemmhekk imbagħad ikun determinat jekk il-persuna inkwistjoni għandhiex bżonn Avukat jew Perit.

“Sas-sena l-oħra dak li jiġi milqut direttament minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ried iqabbad Perit jew Avukat hu u jħallas għalihom. Fl-aħħar sena l-Awtorità provdiet dan is-servizz hi, lit-terzi persuni, kompletament bla ħlas. Is-servizz huwa disponibbli għal kull persuna li hi milquta minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, irrelevanti mid-dħul u l-introjtu finanzjarju tiegħu,” qal il-Perit Bonnici.

Huwa temm jgħid li f’din l-aħħar sena, permezz ta’ dan is-servizz, ingħataw diversi pariri legali fuq kostruzzjoni, pariri tekniċi minn Periti u gwida b’xejn għal dawk affettwati mix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, u b’hekk intlaħaq bilanċ bejn is-settur li hu wieħed importanti u l-impatt tiegħu fuq il-pubbliku.

Intant, dawk kollha li għandhom bżonn parir ta’ Avukat jew Perit rigward xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-viċinanzi tagħhom, għandhom jagħmlu kuntatt fuq in-numru 138.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport