Tuesday, May 14, 2024

“F’suq ħieles il-prezzijiet ivarjaw … inħeġġu l-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet”

L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem u ġimgħat, f’pajjiżna komplejna nesperjenzaw il-fenomenu taż-żieda fil-prezzijiet, fenomenu li mhux inħossuh f’Malta biss imma madwar id-dinja kollha. Din hi sitwazzjoni li bdiet qabel l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna imma imbagħad kompliet żdiedet b’dik il-gwerra. Prodotti tal-ikel, flimkien ma’ materja prima u prodotti oħra kollha kienu qegħdin jogħlew fil-prezz. F’xi każi kienu żidiet żgħar u f’każi oħra iż-żidiet kienu sostanzjali. Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava għax aktar m’għadda żmien bdejna naraw ukoll is-servizzi ta’ oqsma varji jogħlew fil-prezz, bħal dawk marbutin ma’ xogħijiet u manutenzjoni fid-djar u anke servizzi marbutin ma’ kura u sbuħija. Ma’ dawn, il-konsumaturi qed jesperjenzaw tibdil u żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti f’kafeteriji u ristoranti.

Quddiem dan u quddiem l-ilmenti li qed jitqajmu, talk.mt tkellmet mal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Ma tistax ma tistaqsihomx jekk f’din is-sitwazzjoni li għaddejja f’pajjiżna, kien hemm każi ta’ negożji li inqabdu li kienu qed jabbużaw mill-prezzijiet.

L-MCCAA, enfasizzat li Malta hi suq ħieles u hu minħabba f’hekk li l-prezzijiet ivarjaw minn ħanut għal ieħor. L-MCCAA iddikjarat li hi tħeġġeġ lill-konsumaturi biex iqabblu l-prezzijiet u b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jieħdu l-aħjar deċiżjoni minn fejn jixtru l-prodotti jew servizzi tagħhom.

L-MCCAA, qalet lil dan is-sit li “l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni tagħti saħħa lill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li taġixxi f’każ li jirriżulta li jkun hemm xi forma ta’ ftehim bejn operaturi li jwassal għal żieda fil-prezzijiet.”

Tenniet li “huwa għal dan il-għan li l-MCCAA ssegwi b’mod regolari l-prezzijiet ta’ numru ta’ prodotti tal-ikel sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja f’każ li jiġi nnutat xi abbuż skont il-liġi. Fl-istess ħin, Malta, bħal pajjiżi oħra Ewropej, għandha suq ħieles. Bħala rizultat tal-kompetizzjoni fis-suq, il-prezzijiet ivarjaw minn ħanut għal ieħor u l-MCCAA dejjem tħeġġeġ lill-konsumaturi biex iqabblu l-prezzijiet li hawn fis-suq biex ikunu f’pożizzjoni li jieħdu l-aħjar deċiżjoni minn fejn jixtru l-prodotti jew servizzi tagħhom. Il-kummerċjanti għandhom dejjem jimxu b’diliġenza professjonali biex il-konsumatur jingħata prodotti u servizzi tajbin bi prezzijiet xierqa.”

Sport