Saturday, December 21, 2024

Ftehim bejn Malta u l-Libja bil-għan li jerġgħu jibdew it-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti u dak Libjan iffirmaw ftehim speċjali bil-għan li jerġgħu jibdew it-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi u li dawn it-titjiriet jistgħu wkoll jaslu f’ajruporti oħra fil-Libja. Il-Prim Ministru Libjan Abdulhamid Ddeibeh qal li dan ovjament bir-rispett tal-protokolli tal-Avjazzjoni Ċivili.

F’konferenza tal-aħbarijiet wara t-taħdidiet bilaterali, il-Prim Ministru Robert Abela qal: “Malta u l-Libja għandhom relazzjoni soda fejn jirrenja l-element tar-rispett reċiproku u l-ħbiberija u li nistgħu verament nitkellmu fuq għanijiet komuni. Ninsab kunfidenti li din ir-relazzjoni tant soda se tkompli tissaħħaħ fiż-żmieni li ġej.”

Filwaqt li qal li huwa ta’ pjaċir li jilqa’ kemm lilu kif ukoll id-delegazzjoni li jmexxi ġewwa pajjiżna, Abela qal li jinsab sodisfatt li Malta hija fost l-ewwel pajjiżi li Ddeibeh qed iżur bħala Prim Ministru tal-Libja.

Abela qal li Malta tagħti valur kbir u tgħożż ħafna r-rabtiet speċjali li għandha mal-Libja. Semma’ kif tul is-snin iż-żewġ pajjiżi kkoperaw tajjeb ħafna fuq oqsma ta’ interess u prijoritajiet komuni, fosthom is-saħħa, l-enerġija, il-kontroll tal-fruntieri, l-immigrazzjoni kif ukoll il-qasam tal-kriminalità organizzata.

Abela qal li jinsab impenjat li din il-koperazzjoni jkompli jiżviluppawha aktar fix-xhur u s-snin li ġejjin. Żied jgħid li Malta dejjem qiset li l-poplu Libjan huwa sieħeb fdat tagħha. 

“Aħna sħab fdati ta’ xulxin mhux biss minħabba l-ġeografija iżda wkoll għall-mod kif naħdmu flimkien f’diversi oqsma u diversi setturi tan-negozju,” qal Abela.

Huwa għamel referenza għax-xogħol tajjeb li sar mill-Uffiċċju Libjan Lafico, magħruf bħala l-‘Foreign investment company’. Abela qal tul is-snin din is-soċjetà kummerċjali serviet bħala pont għall-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi. Qal ukoll li s-servizz lill-kumpaniji Maltin interessati kien wieħed b’saħħtu ħafna u essenzjali biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozji, kif ukoll ta’ ħolqien ta’ impjiegi.

Il-Prim Ministru Abela qal: “Illum rridu nħarsu lejn liema oqsma u setturi ġodda nistgħu nimirħu lejhom flimkien biex ikollna lil niesna jikkolaboraw biex jinħolqu opportunitajiet ġodda, filwaqt li nindirizzaw sfidi ta’ interess komuni. Is-settur tal-enerġija żgur li huwa fuq quddiem nett. L-istess huwa s-settur tas-saħħa.”

Abela tenna l-appoġġ tiegħu u tal-gvern, lilu u l-gvern tal-Għaqda Nazzjonali biex jibnu Libja b’saħħitha fejn jirrenjaw il-paċi, il-prosperità u l-istabbilità.

Abela għamel referenza għaż-żjara li għamel fil-Libja f’April li għadda, u qal jemmen li l-proċess tranżitorju, qabel l-elezzjonijiet ġenerali, irid ikun wieħed tal-Libjani għax hekk biss ikunu assigurati s-sigurtà u l-istabilità fil-Libja. Abela qal li Malta lesta li tagħti kull appoġġ fil-ħidma biex jintlaħaq dan l-għan importanti. Żied jgħid li s-sliem u l-istabbilità fili-Libja huma prijorità għal Malta wkoll għax jekk jirrenjaw dawk, jistgħu jiġu indirizzati sfidi komuni.

Abela qal li huwa f’dan l-ispirtu wkoll li Malta bagħtet għotja ta’ 40,000 vaċċin kontra l-Covid-19 kif ukoll 40,000 rapid test kit. Qal li jqis il-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19 bħala waħda mill-isfidi komuni kemm għaż-żewġ pajjiżi kif ukoll b’mod ġenerali madwar id-dinja kollha.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Libjan beda billi rringrazzja lill-Prim Ministru Abela talli laqagħhom ġewwa Malta u qal li jħoss li hemm relazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi mhux biss minħabba l-ġeografija imma anke l-istorja u hemm ħafna fatturi ekonomiċi li huma komuni fuq xix jistgħu jibnu iktar kooperazzjoni.

Ddeibeh qal li ż-żewġ naħat qablu fuq numru ta’ affarijiet importanti biex iżidu d-dimensjoni tal-investimenti bilaterali.

Qal li kellhom wkoll diskussjonijiet oħra biex jirriżolvu xi problemi tal-komunità Libjana ġewwa Malta u biex jiġu indirizzati dawn il-problemi u jiddiskutu flimkien aspetti ta’ attivitajiet illegali.

Ekonomija

Sport