Wednesday, October 30, 2024

Ftehim ġdid li se jiżgura servizzi aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità li jkunu vittmi ta’ reat

Aqra wkoll

Persuni b’diżabilità li jkunu wkoll vittmi ta’ xi reat se jsibu aktar sapport hekk kif ġie ffirmat ftehim ġdid bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-Victim Support Agency (VSA).

Il-ftehim jistipula li dawn iż-żewġ entitajiet se jassistu u jikkoperaw ma’ xulxin biex jappoġġjaw vittmi ta’ reati permezz ta’ sistema ta’ referral komuni għas-service users, fejn dawn jistgħu jiġu riferuti minn waħda minn dawn iż-żewġ entitajiet għal servizz aktar effettiv.


Il-ftehim jgħid ukoll li ż-żewġ entitajiet se jikkoperaw ma’ xulxin biex iżidu l-għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi u jħeġġu aktar vittmi jirrappurtaw u jfittxu s-sapport u li se jkomplu jindirizzaw il-ħtiġijiet u r-realtajiet li jaffaċċjaw il-persuni b’diżabilità.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, waqt ċerimonja li fiha ġie ffirmat dan il-ftehim ġdid.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-ftehim bħala wieħed kruċjali u li se jkompli jitfa’ dawl fuq ir-realtajiet li jaffaċċjaw persuni b’diżabilità f’uħud mill-aktar fażijiet diffiċli ta’ ħajjithom. “L-akbar sodisfazzjon nieħduh jekk ħadd ma jiġi bżonn is-servizzi li se jkunu qed jiġu offruti permezz ta’ dan il-ftehim, iżda konvinta li permezz tiegħu se nsaħħu l-għajnuna u s-servizz li noffru lil nies diġà vulnerabbli u li jkollhom bżonn l-għajnuna”, stqarret il-Ministru Farrugia Portelli.


Il-Ministru Byron Camilleri saħaq li matul il-ftit snin li ilha topera l-Victim Support Agency qed tilħaq l-għan tagħha li tagħti servizzi differenti lill-vittmi u lil dawk l-aktar li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. “Dan il-ftehim ser jagħmilha possibbli għall-Aġenzija sabiex mhux biss toffri servizz iżda toffri servizz aħjar u aktar infurmat lil persuni b’diżabilità f’mumenti ta’ vulnerabilità”, temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Rhoda Garland laqgħat dan il-ftehim b’sodisfazzjon u saħqet li dan se jiżgura li persuni b’diżabilità li jkunu vittmi ta’ xi reat se jirċievu aktar sapport u li s-servizzi pprovduti ikun aktar aċċessibbli.


Il-Kap Eżekuttiv tal-VSA Brian Farrugia qal li vittmi tal-kriminalità b’diżabilità jiffaċċjaw realtajiet u sfidi uniċi. Għaldaqstant b’dan il-ftehim iż-żewġ entitajiet se jkomplu jaħdmu sabiex is-servizz ta’ sapport ikun aktar inklussiv, u msaħħaħ b’taħriġ professjonali fis-settur.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni se tassisti lill-VSA biex tinkorpora filosofija iktar inklussiva fl-għoti tas-servizzi, kif ukoll se tikkollabora fuq l-iskambju tal-għarfien u l-promozzjoni għal taħriġ dedikat u opportunitajiet ta’ tagħlim għall-istaff. Min-naħa l-oħra, il-VSA se tipprovdi l-appoġġ neċessarju u assistenza lill-vittmi, inklużi assessments individwali tal-vittmi u tipprovdi wkoll sapport emozzjonali, informazzjoni u gwida filwaqt li tqajjem għarfien u taqbeż għad-drittjiet tal-vittmi.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarji Permanenti Nancy Caruana u Joyce Dimech.

Sport