Thursday, April 18, 2024

Ftehim ġdid ta’ konċessjoni ta’ Casino tad-Dragonara

Aqra wkoll

Il-Gvern ta’ Malta, permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija u Dragonara Gaming Limited iffirmaw ftehim ġdid għall-konċessjoni ta’ casino, ftehim li mistenni jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2021. Dan il-ftehim kien konkluż wara sejħa internazzjonali għal proposti, maħruġa mit-Taqsima tal-Privatizzazzjoni aktar kmieni din is-sena bl-għan “Li Jinfetaħ u Jitħaddem Casino f’Malta”.

Matul il-perjodu ta’ din il-konċessjoni, Dragonara Gaming Limited se tinvesti total ta’ għaxar miljun ewro (€10 miljun), f’teknoloġija, sistemi u tagħmir ġdid bl-għan li tkompli tipprovdi esperjenza tal-aqwa kwalità għal klijenti tagħha.

Il-kumpanija ilha topera b’suċċess id-Dragonara Casino sa minn Ġunju 2010, wara li kienet rebħet sejħa internazzjonali u kisbet liċenzja biex topera l-casino mill-Awtorità Maltija għal-Logħob.

It-tieni terminu suċċessiv fit-tmexxija tal-Casino ewlieni f’Malta se jippermetti lil Dragonara Gaming Limited li tkompli tippożizzjona lid-Dragonara bħala wieħed mill-aktar proprjetajiet prestiġġjużi għall-casino fin-Nofsinhar tal-Ewropa, filwaqt li ssostni l-kontribut tal-industrija tal-casinos f’Malta.

“Meta ħadna f’idejna l-operat tad-Dragonara Casino f’Ġunju ta’ l-2010, kellna l-viżjoni li nittrasformaw u nimmodernizzaw id-Dragonara Casino u nkabbru s-settur tal-casinos f’Malta”, ikkumenta Johann Schembri, Kap Eżekuttiv ta’ Dragonara Gaming Limited.

“Ħadna f’idejna proprjetà nieqsa minn investiment u innovazzjoni kif ukoll settur kummerċjali li ma kienx moqdi kif jixraqlu. Fi ftit snin, permezz ta’ programm ta’ investiment aggressiv u ppjanat tajjeb, Dragonara Casino reġa’ kiseb pożizzjoni bħala l-casino ewlieni f’Malta u isem rispettat internazzjonalment. Minkejja d-diffikultajiet tal-aħħar sena minħabba l-pandemija tal-COVID-19, qed inħarsu lejn il-ġejjieni b’sens imġedded ta’ ottimiżmu u impenn li ma jaqta’ qatt sabiex inkomplu ninvestu u aktar minn hekk, li niżviluppaw destinazzjoni unika f’wieħed mill-isbaħ postijiet fl-Ewropa.”

Matul is-snin li ġejjin id-Dragonara Casino u l-artijiet tal-madwar se jiġu żviluppati u restawrati, filwaqt li se jkunu introdotti kunċetti ġodda ta’ divertiment, biex jikkumplimentaw l-operat tal-casino u biex isir l-aħjar użu mill-potenzjal tal-peniżola tad-Dragonara.

“Dan se jinkiseb filwaqt li jitħares il-valur storiku u kulturali tal-proprjetà filwaqt li tingħata esperjenza ta’ divertiment li tkun konformi ma’ l-impenn tagħna li nwasslu esperjenza ta’ logħob b’mod responsabbli”, temm Johann Schembri.

Dragonara Gaming Limited hija sussidjarja ta’ Peninsula Gaming Group Limited – joint venture bejn IZI Group plc u Toss-a-Coin Limited.

Ekonomija

Sport