Ftehim kollettiv ġdid iffirmat mill-General Workers’ Union (GWU) u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-pagi u allowances ġodda, għall-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Dan il-ftehim ikopri l-perjodu 2026-2030.
Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU Riccarda Darmanin qalet li dan il-ftehim huwa riżultat ta’ diversi xhur ta’ diskussjonijiet u jirrifletti l-ħidma siewja li qed twettaq l-MCCAA fl-ekonomija tal-pajjiż.
Is-Segretarju Darmanin qalet li l-pakkett finanzjarju li ngħataw il-ħaddiema hu riflessjoni tal-livell għoli ta’ professjonalità li hu mistenni minnhom, sabiex l-MCCAA tkun tista’ tkompli twettaq il-ħidma tagħha b’mod effettiv.
Hija qalet li l-GWU tinsab sodisfatta li ġie konkluż dan il-ftehim kollettiv, li sar flimkien ma’ union oħra, filwaqt li rringrazzjat lill-maniġment, liċ-Chairperson Eżekuttiv u lir-rappreżentanti tal-Industrial Relations Unit għall-koperazzjoni u l-għajnuna tagħhom matul il-proċess tan-negozjati. Irringrazzjat ukoll lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li kienu katalisti biex iressqu dak kollu li kien meħtieġ fuq il-post tax-xogħol.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti li qal li filwaqt li f’diversi pajjiżi Ewropej qed isiru protesti minħabba n-nuqqas ta’ investiment fis-servizzi pubbliċi, f’pajjiżna qed jiġri l-kuntrarju, hekk kif qed isir investiment fis-servizz pubbliku sabiex iċ-ċittadini jinqdew aħjar.
Huwa enfasizza l-importanza tal-MCCAA fil-ħarsien tal-konsumatur u fl-iżgurar ta’ swieq ġusti. Sostna li t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, se jikkontribwixxi biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jingħataw servizz aħjar.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MCCAA Carmen Ciantar qalet li dan il-ftehim jirrappreżenta tragward importanti għall-Awtorità hekk kif il-ħaddiema huma fil-qalba tal-operat tagħha.
Hija sostniet li l-ftehim mhux biss se jwassal għal titjib fil-pakkett finanzjarju, iżda se jipprovdi wkoll kundizzjonijiet aħjar u aktar opportunitajiet għall-iżvilupp u l-avvanz fil-karriera.
Ciantar temmet tgħid li l-għan tal-MCCAA huwa li tkompli tikber u tissaħħaħ f’regolatur modern, li jkun minn ta’ quddiem biex joħloq servizzi u inizjattivi li jgħinu kemm lill-konsumaturi u n-negozji jkunu aktar effiċjenti.
L-iffimar ta’ dan il-ftehim f’isem il-GWU sar mis-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin, l-Assistent Segretarju Cynthia Schembri u r-rappreżentanti tal-ħaddiema Stephen Ciancio, Timothy Farrugia u Charlon Grima.
F’isem il-UĦM iffirmaw l-Assistent Direttur Antoinette Aquilina, l-Employment Relations Manager Vanessa Cassar Runza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema Francesca Pace, Elton Tonna u Maverick Tabone.
F’isem l-MCCAA ffirmaw iċ-Chairperson Eżekuttiv Carmen Ciantar u ċ-Chief Officer Human Resources Sonia Camilleri.
Għall-iffirmar kienu preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards) Dr Joyce Cassar u d-Deputat Kap tal-IRU Mario Grixti.
