Minn CLAUDIO COLEIRO
Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ HID Global li permezz tiegħu se jkunu qed jibbenefikaw minn żidiet fil-pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan il-ftehim, li jkopri perjodu ta’ tliet snin – minn April 2020 sa April 2023 – qed joffri wkoll sigurtà u stabbiltà għall-kumpanija f’Malta.
Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin. F’isem il-kumpanija ffirmaw id-Direttur tal-Operazzjonijiet Daniel Cremona u l-HR Manager Maria Fenech Attard. Il-ftehim kien iffirmat ukoll mix-shop steward Kevin Xuereb u minn Karl Galea li wkoll irrappreżenta lill-ħaddiema.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Darmanin esprima s-sodisfazzjon li bħala unjin irnexxielhom jaslu fi ftehim kollettiv ma’ din il-kumpanija li għadha relattivament ġdida f’pajjiżna billi bdiet bl-operat tagħha f’Ottubru li għadda.
“Wara li kellhom diġa’ ftehim kollettiv ma’ kumpanija li kienu qabel, dan il-ftehim qed jitjieb bħala kundizzjonijiet u pagi. Nirringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-kontribut siewi tagħhom biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim u nirringrazzja wkoll lill-maniġment tal-kumpanija li għaraf il-potenzjal tal-GWU,” qal Darmanin.
Huwa tenna wkoll li “minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha l-pajjiż u d-dinja minħabba l-pandemija tal-Covid-19, xorta waħda rnexxielna naslu biex nagħlqu dan il-ftehim.”
Min-naħa tiegħu, d-Direttur tal-Operazzjonijiet ta’ HID Global Daniel Cremona ddeskriva l-ftehim bħala “milestone importanti” għall-operat ta’ din il-kumpanija Amerikana f’Malta. Qal li: “l-fatt li għamilna dan il-ftehim huwa milestone għax huwa l-ewwel wieħed tal-kumpanija f’pajjiżna.”
L-HR Manager ta’ HID Global Maria Fenech Attard qalet li: “huwa ta’ sodisfazzjon li wasalna għal ftehim ġdid. Dan kien kollu possibbli grazzi għar-rieda tajba kemm min-naħa tal-unjin kif ukoll tal-impjegati. Kulħadd jaf f’liema ċirkostanzi qed noperaw madwar id-dinja u mhux sempliċiment f’Malta. Għaldaqstant huwa ta’ sodisfazzjon akbar li qed noffru stabbilità lill-impjegati għat-tliet snin li ġejjin, għall-benefiċċju ta’ kulħadd.”
Hija temmet tirringrazzja lill-GWU, lill-maniġment tal-kumpanija u anke lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għaliex ftehim kollettiv bħal dan seta’ biss jintlaħaq bir-rieda ta’ kulħadd.
Dan il-ġurnal ħa l-kummenti wkoll tax-shop steward Kevin Xuereb li bħal ta’ qablu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ntlaħaq dan il-ftehim minkejja li kull industrija bħalissa qiegħda tbati u għandha sfidi ġodda minħabba l-Covid-19.
“Bħala rappreżentanti kuntenti għax ilħaqna ftehim tajejb u komplejna ntejbu fuq li kellna kemm għall-ġid tal-ħaddiema tagħna u anke għall-futur tal-kumpanija f’Malta,” temm jgħid Xuereb.