Friday, November 29, 2024

Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’din l-Awtorità li twaqqfet f’April tal-2021.

Il-ftehim, li jkopri sal-2024, kien innegozjat flimkien mal-General Workers Union, u huwa riżultat ta’ laqgħat kordjali fl-interess tal-ħaddiema kollha u tal-Awtorità. Dan il-ftehim joffri stabbiltà lill-ħaddiema u jsaħħaħ l-operat tal-istess awtorità. Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien hemm preżenti l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.

“Dan il-ftehim ikopri 80% tal-ħaddiema tal-Awtorità, li bħalissa għaddejja b’ħidma biex issaħħaħ l-operat tagħha u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Biex naċċertaw stabbilità, il-ftehim kollettiv huwa għal tlett snin, u jħares biex joħloq opportunitajiet ta’ progress fil-karriera tal-ħaddiema. Irridu ninċentivaw il-ħidma u l-isforz tal-ħaddiema,” spjega l-Ministru Aaron Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega kif il-ħaddiem jinsab dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-gvern u l-iffirmar ta’ dan il-ftehim jixhed kif l-attitudni tal-gvern illum hija ferm differenti minn dik ta’ gvernijiet oħra. Huwa qal kif, f’mument fejn id-dinja ffaċċjat pandemija, il-ħaddiem Malti sab gvern jappoġġjah.

Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Karl Azzopardi saħaq li minkejja n-natura kumplessa tax-xogħol u ż-żieda fid-domanda għas-servizz, il-ħaddiema tal-Awtorità qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jipprovdu servizz effiċjenti u ta’ kwalità. Il-Kap Eżekuttiv tenna li l-pakkett maqbul għandu jimmotiva aktar lill-ħaddiema kurrenti kif ukoll dawk godda biex flimkien mat-tmexxija, jilħqu l-miri tal-Awtorità għaż-żmien li ġej. Il-ftehim iffirmat jassigura diversi skali ġodda u tisħiħ tal-pakkett finanzjarju.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin f’kummenti lil dan is-sit qal li: “f’dan il-ftehim rajna li apparti l-benefiċċji finanzjarji, ikun hemm ukoll assistenza legali f’każ li wieħed jiġi mħarrek jew ikollu diffikultà minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom. Rajna li l-ħaddiema jkunu salvagwardjati.”

Bondin kompla billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim fosthom l-Assistent Segretarju tat-Taqsima George Zahra, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u anke lill-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU. Finalment huwa rringrazzja lill-ħaddiema membri f’din l-Awtorità li dejjem sabuhom ta’ appoġġ u taw anke l-opinjonijiet u l-proposti tagħhom sabiex jintlaħaq ftehim li jkun tassew ta’ benefiċċju kemm għalihom kif ukoll għall-Awtorità.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Karl Azzopardi u, f’isem il-General Workers Union, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, George Zahra – Assistent Segretarju tat-Taqsima, flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Awtorità.

Preżenti kien hemm ukoll Joseph Caruana, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru ghall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU.​

Sport