Sunday, November 24, 2024

FTEHIM LI SE JSAĦĦAĦ IŻ-ŻIEDA FIL-PAGA MINIMA

Aqra wkoll

Għal darba oħra, id-djalogu soċjali wassal biex ikun hemm qbil ieħor din id-darba dwar żieda fil-paga minima. Din se tkun it-tieni darba f’dawn l-aħħar 10 snin li rat il-paga minima tal-ħaddiema tiżdied sabiex jitjieb id-dħul ta’ dawk li jaqilgħu l-inqas paga. 

Ta’ min ifaħħar lill-imsieħba soċjali kollha li wara xhur ta’ diskussjoni serja, is-sens komun rebaħ u ntlaħaq dan il-qbil. Xi kultant mhux faċli l-imsieħba soċjali jaslu fi ftehim minħabba interessi differenti li għandhom. Dan il-ftehim jagħti prova oħra illi d-djalogu soċjali f’pajjiżna huwa kruċjali, mhux kif kien jingħad fl-imgħoddi meta l-MCESD kien jiġi kkumparat ma’ ħanut tat-titottla. 

Dan il-ftehim intlaqa’ b’sodisfazzjon mill-Gvern għaliex il-pajjiż jeħtieġ li jibqa’ miexi ‘l quddiem ekonomikament fl-istess waqt li se jibqa’ jgħin lill-industrija u lin-negozji, se jkun mezz ieħor ta’ investiment fil-ħaddiema. Ir-reviżjoni tal-paga minima kienet waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet. 

Dan ifisser li qed titwettaq oħra minn dak li ġie mwiegħed lill-poplu Malti, illi tiżdied il-paga minima. Miżura bħal din se tolqot b’mod pożittiv mijiet ta’ familji li sal-lum il-ġurnata d-dħul tagħhom kien wieħed baxx. 

Dan kollu huwa turija li l-Gvern lest li jaħseb f’kulħadd, l-aktar dawk meqjusa li jinsabu fil-faxxa t’isfel tas-soċjetà. Huwa għalhekk li nemmnu li l-budget li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej, se jibqa’ jieħu aktar inizjattivi ta’ investiment fin-nies. 

Iż-żieda fil-paga minima tista’ twassal għal konkorrenza tal-ħaddiema f’ċertu impjiegi li qabel kienu jkunu rifjutati minħabba li d-dħul minnhom kien ikun wieħed miżeru. Ovvjament iż-żieda li tħabbret f’dawn il-jiem, nemmnu li mhux se tkun l-aħħar waħda u ninsabu fiduċjużi li meta jerġa’ jinqala’ l-bżonn għaż-żieda fil-paga minima, ma tkunx diffiċli li jintlaħaq ftehim dwarha kif wara kollox intlaħaq f’dan l-aħħar ftehim.

Dan kollu jista’ jsir biss jekk l-ekonomija ta’ pajjiżna bil-kontribut tan-negozji u t-trejdunjins tibqa’ waħda reżiljenti, li tkun kapaċi ttejjeb kontinwament il-kundizzjonijiet u d-dħul tal-ħaddiema. 

Sport