Tuesday, April 30, 2024

Ftehim settorjali għall-Border Control Officers

Aqra wkoll

Ġiet implimentata miżura oħra tal-manifest elettorali u dan billi ġie ffirmat ftehim settorjali għall-Border Control Officers li huma parti mill-Korp tal-Pulizija bħala civilians.

L-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim hu li jtejjeb l-kundizzjonijiet ta’ dawk l-uffiċjali li jaħdmu fil-ħarsien tal-fruntiera. Għalhekk dan se jolqot b’mod dirett lil 60 uffiċjal li bħalissa jaħdmu bħala ‘First Line Officer’ u ‘Second Line Officer’. Il-ftehim se jara wkoll li jekk xi ħaddiema jingħataw xi responsabbiltajiet addizzjonali li mhux imniżżlin fil-ftehim maqbul, dawn jitħallsu wkoll permezz ta’ allowances għal dawn ir-responsabbiltajiet addizzjonali.

L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, li spjega li dan huwa wieħed mill-għaxar ftehimiet iffirmati fl-aħħar snin fil-Ministeru għall-Intern.

Il-Ministru Camilleri tenna l-impenn tiegħu biex il-ħaddiema fis-sigurtà ta’ pajjiżna jibqgħu isibu lill-Gvern ta’ spalla soda għalihom. Hu spjega kif tali ftehimiet għandhom l-għan li jkomplu joffru kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u salarji aħjar lill-ħaddiema u l-familjari tagħhom. F’dan il-każ, il-ħaddiema li magħhom ġie ffirmat il-ftehim tal-lum għandhom irwol importanti fis-sigurtà ta’ pajjiżna, hekk kif dawn huma responsabbli għal dawk il-persuni kollha li jidħlu f’pajjiżna minn pajjiżi barra ż-żona Schengen. Hu temm billi rrikonoxxa l-impenn kontinwu ta’ dawn l-uffiċjali u rringrazzjahom ta’ ħidmiethom.

Il-ftehim settorjali hu b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2023.

Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, is-Sur Emanuel Psaila, rappreżentanti mit-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Border Control Officers tal-Korp tal-Pulizija u l-General Workers Union.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU Kendrick Bondin iddeskriva dan il-ftehim settorjali bħala wieħed li kompla jsaħħaħ il-Border Control Officers.

Sostna li dan il-ftehim kompla jindirizza wkoll ċertu nuqqasijiet li kien hemm lejn dawn il-ħaddiema u saret ġustizzja magħhom. 

“Komplejna nagħrfu x-xogħol importanti li huma jagħmlu meta huma jiċċekkjaw id-dħul tal-passiġġieri lejn Malta. Se jiġu stmati aħjar milli kienu u d-dmirijiet tagħhom qed jiġu kumpensati”, temm Bondin.

Sport