Tuesday, April 30, 2024

Żewġt irġiel jinżammu arrestati wara li nstabu f’karozza misruqa

Aqra wkoll

Wayne Catania ta’ 32 sena u Keith Bonello ta’ 43 sena, ġew akkużati fil-Qorti li nhar is-Sibt li għadda kienu qegħdin isuqu karozza li kienet ġiet irraportata misruqa jumejn qabel.

Filwaqt li qalu li huma ma jaħdmux wieġbu mhux ħatja tal-akkużi fosthom li għenu terza persuna li s’issa għadha mhux magħrufa l-identità tagħha fis-serqa tal-karozza. Huma wieġbu mhux ħatja wkoll li fil-karozza kellhom l-eroina kif ukoll sustanzi oħrajn.

Catania waħdu ġie mixli wkoll li saq karozza liċenzja u polza tal-assigurazzjoni kif ukoll li ma obdix is-sinjali tat-traffiku.

Hekk kif il-Prosekuzzjoni bdiet tispjega l-każ, Dr Yanika Bugeja li hija l-avukat tal-għajnuna legali qalet li jkun aħjar li kieku l-akkużati jkollhom avukat kull wieħed.

Intant, fil-Qorti ġie spjegat li kien fit-22 ta’ Ġunju li għadda meta l-Pulizija kienu rċivew rapport dwar vann li kien ġie misruq jum qabel. Fil-vann kien hemm ċavetta ta’ karozza Smart Fortwo li kienet insterqet ukoll.

Imbgħad is-Sibt li għadda waqt li l-pulizija kienu qegħdin jagħmlu ronda fil-Marsa lemħu l-karozza li kienet misruqa u fiha kien hemm iż-żewġt irġiel.

F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest għal Bonello minħabba li qal li bħalissa m’għandux fejn joqgħod. Fil-każ ta’ Catania, id-difiża qalet li hu tkellem ma’ ommu u din lesta li żommu magħha sakemm ma jidħolx fil-problemi. Il-Prosekuzzjoni qalet li sa nhar il-Ħadd li għadd omm Catania qalet li ma tridx taf bih.

Il-Qorti qalet li hemm bżonn li omm l-imputat tikkonferma taħt ġurament li tista’ żżomm lil binha magħha u għalhekk għalissa se jibqa’ jinżamm arrestat.

Sport