Saturday, December 21, 2024

FTIT KONKRET

Aqra wkoll

Aktar ma tisma’ dwar il-ħtieġa li jiddaħħlu bidliet sostanzjali fl-istrateġija ekonomika tal-pajjiż, aktar wieħed jistenna li se jsib proposti konkreti dwar kif dan għandu jsir. Ma tantx qed naraw minnhom. Kważi kulħadd jippreferi jibqa’ jitkellem dwar il-ġenerali u jżomm lura milli juri kif se ngħaddu għall-partikolari biex inwettqu. Jinħassu wkoll kuntradizzjonijiet f’li jintqal.

Pereżempju l-gvern jgħid li l-bidla trid tinġab waqt li tinżamm ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku. B’hekk niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura. Ma narax kif dan jista’ jsir, anke jekk l-għan li ħadd ma jaqa’ lura hu ammirevoli.

L-Oppożizzjoni turi ħerqa biex jiddaħħlu riformi fit-tmexxija ekonomika imma tibqa’ attenta wkoll biex ma tgħidx eżatt (jew qrib l-eżatt) fhiex għandhom jeżistu.

Waqt li s-settur privat jaqbel mal-ħtieġa ta’ riformi imma jistenna li l-gvern jieħu responsabbiltà biex jgħid x’għandu jsir.

Ħaġa ċara: ħadd ma jrid jidher ikrah, ħadd ma jrid jirfes il-kallijiet.

TRUMP MIDRUB

L-attentat fuq il-ħajja ta’ Donald Trump x’aktarx li se jibdel mill-qiegħ ix-xenarju politiku Amerikan għax-xhur ta’ qabel l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti. Il-pożizzjoni li jieħdu Trump innifsu u l-kampanja tiegħu għandhom mnejn jispiċċaw tal-aqwa importanza jekk jikkondizzjonaw in-narrattiva politika madwar it-tema li l-avversarji tiegħu ddemonizzawh wisq. Trump vittma jispiċċa ħafna aktar qawwi politikament minn Trump id-demagogu.

U l-istorja dwar jekk Biden hux kapaċi jirbaħ lil Trump u wara jekk jirbaħ, imexxi l-Presidenza, tista’ tieħu tidwira ġdida: x’responsabbiltà jġorr Biden għall-mod kif Trump ġie “ddemonizzat”?

Hemm aspetti oħra f’dil-logħba li żgur iż-żewġ kampi avversarji qed itellgħu u jniżżlu dwarhom.

IMWIELDA MALTA

Artiklu li deher f’parti mill-medja, bbażat fuq x’intqal f’seminar dwar is-suġġett, fisser il-problemi li jiltaqgħu magħhom tfal imwielda Malta minn rifuġjati/immigranti rregolari. Qattgħu ħajjithom f’Malta, jitkellmu bil-Malti bħalna lkoll, ma jafu l-ħajja fl-ebda pajjiż ħlief Malta u jinsabu bla identità nazzjonali. Huma tfal li mhux tort tagħhom sabu rwieħhom f’Malta imma effettivament huma Maltin. Iħossuhom hekk għax matul is-snin, għaddew mill-istess esperjenzi bħat-tfal Maltin sħabhom. Imma m’għandhom dritt għall-ebda karta tal-identità jew passaport. Ir-regoli taċ-ċittadinanza Maltija ma jippermettux. Fir-realtà mhuma ċittadini tal-ebda pajjiż.

Din hi qagħda xokkanti. Għandna liġi taċ-ċittadinanza li tippermetti li sinjuruni barranin li qatt ma resqu lejn dawn il-gżejjer jixtru ċ-ċittadinanza u jsiru “Maltin” daqsna lkoll. Imma din iċ-ċittadinanza ma tistax tingħata lil min għex fostna sa minn meta twieled. Hemm bżonn urġenti ta’ rimedju mill-istat għal problema li xejn ma turina bħala poplu u pajjiż li jemmnu fil-ħniena u l-ġustizzja.

Ekonomija

Sport