Saturday, December 21, 2024

“Ftit tbatija issa tista’ tiskansalna tbatija akbar fil-futur”

L-ekonomist Silvan Mifsud

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Jekk il-politika fiskali tkun waħda espansiva, fejn jibqgħu jingħataw sussidji fuq l-enerġija u fejn l-infieq tal-Gvernijiet biex itaffu l-effett tal-inflazzjoni jibqgħu jikbru, dawn il-miżuri jmorru kontra t-tnaqqis fid-domanda li qegħdin nippruvaw miż-żieda fl-imgħaxxijiet.

Dan ifisser li ndumu ferm aktar sabiex nrażżnu l-inflazzjoni, bir-riżultat li l-imgħaxxijiet ikollhom jogħlew aktar u bir-riskju li jkollna nidħlu f’riċessjoni pjuttost qawwija qabel titrażżen l-inflazzjoni. Għalhekk ftit tbatija issa tista’ tiskansana t-tbatija fil-futur. Dan intqal mill-ekonomista Silvan Mifsud, li hu ukoll membru tal-Kunsill
tal-Kamra tal-Kummerc, l-Intrapriza u l-Industija f’intervista li kellu ma’ dan il-ġurnal, fejn irrimarka li l-inflazzjoni hi r-rata li bihom qed jiżdiedu l-prezzijiet fi żmien partikolari. Mifsud qal li l-problema hija meta din ir-rata ta’ żieda fil-prezzijiet tkun għolja wisq u tkun hekk għal żmien twil.

Qal ukoll li din jista jkollha konsegwenzi soċjali ħżiena filwaqt li l-miżuri li jridu jittieħdu sabiex titnaqqas l-inflazzjoni jistgħu jwasslu għal riċessjoni ekonomika. Huwa għalhekk li l-Bank Centrali Ewropew għandu l-mandat sabiex ikunhawn stabbilita’ fil-prezzijiet u li jkun
hawn inflazzjoni ta’ madwar 2%.

Meta mistoqsi minn fejn hi ġejja l-inflazzjoni, Mifsud spjega li din tista tkun ġejja minn tlett sorsi. L-ewwel sors turi x-xokkijiet li ġejjin min-naħa talprovista. L-ekonomist irrimarka li dan ġara hekk kif kellna tali xokkijiet li kienu ġejjin mill-ewwel pandemija tal-Covid-19 u imbagħad mill-gwerra fl-Ukrajna. Teknikamnet din tissejjaħ inflazzjoni “cost push”, fejn iż-żieda tal-prezzijiet provduti minħabba x-xokkijiet li kienu ġraw iwasslu għal l-inflazzjoni.

Mifsud qal li t-tieni s-sors huwa ż-żieda ta’ flus fl-idejn. Ġie spjegat minnhu li hekk kif ikun hawn aktar flus qed iduru fl-ekonomija, jkun hawn domanda aktar għal prodotti u servizzi u dan iwassal għal żieda fil-prezzijiet. Teknikament wieħed jista’ jirreferi għaliha bħala “demand pull”.

It-tielet u l-aħħar sors li jista’ jkun li qed toħloq l-inflazzjoni huma l-aspettattivi. F’dan ir-rigward, Mifsud qal li hemm element ta’ inflazzjoni li jiġi minħabba dak li s-suq ikun qed jantiċipa jew jistenna li jiġri. Jekk is-suq ikun qed jistenna żieda fid-domanda, hemm ċans li l-prezzijiet jogħlew minħabba f’hekk. L-ekonomista żied jgħħid li it-tali aspettattivi jistgħu jwasslu sabiex il-pagi jibqgħu jogħlew u jwasslu għal ċirku vizzjuż.

Fir-rigward ta’ kif qiegħed iħares lejn il-fatt li r-rata tal-interessi jidhru li se jibqgħu jiżdiedu, l-ekonomist Silvan Mifsud qal li l-Bank Ċentrali Ewropew m’għandux għażla oħra ħlief li jgħolli irrati tal-imgħaxx, bħala parti mill-politika monetarja tiegħu, sabiex jipprova jnaqqas id-domanda u jikkontrolla l-inflazzjoni, waqt li jirbaħ il-ħin sabiex il-problemi fissistemi ta’ provvista jissolvew.

Huwa qal ukoll li l-Bank Ċentrali L-ekonomista Silvan Mifsud Ewropew huma inkwetati bil-persistenza tal-inflazzjoni li għaddejin minnha. Sa issa l-Bank Ċentrali Ewropew kien qed jipprova jibbilanċja bejn iż-żieda flimgħaxxijiet sabiex jiġġieled l-inflazzjoni waqt li jniżżel id-domanda bilmod u ma jitfax l-ekonomiji Ewropea f’riċessjoni profonda.

Pero’ il-Bank Ċentrali Ewropew, jibża’ li jekk ma jibqax iżid l-imgħaxxijiet issa, se nispiċċaw biex l-aspettativi msemmija qabel, ikunu li l-inflazzjoni se tibqa’ għolja fit-tul, li jwassal li l-Bank Ċentrali Ewropew jkoll jgħolli l-imgħaxxijiet ferm aktar u għal aktar żmien fit-tul, li żgur imbghad jitfa l-ekonomji Ewropew f’riċessjoni kbira – xi ħaġa li l-Bank Ċentrali Ewropew qed jipprova jevita.

Jista’ jagħti l-każ ukoll li l-inflazzjoni tista’ twassal għal riċessjoni. L-opinjoni tal-ekonomista Mifsud fuq ir-relazzjoni ta’ bejn l-inflazzjoni u r-riċessjoni, huwa qal li jekk l-inflazzjoni ndumu sabiex nrażżnuha, dak ikun ifisser li l-aspettativi ta’ kulħadd huwa li l-prezzijiet se jibqgħu jgħollew fil-futur.

Dan għalhekk jista’ iwassal sabiex innies jibdew jibżgħu u jnaqqsu in-nefqa tagħhom fuq ħafna affarijiet, speċjalment dawk mhux neċessarji. Huwa qal ukoll li barra minn hekk il-politika monetarja tkun trid tibqa’ tgħolli l-imgħaxxijiet għal ħafna aktar żmien.

Misfuq saħaq li dan kollu jista jwassal għaltnaqqis drastiku fid-domanda li jwassal għal riċessjoni qawwija fejn jitkissru xi negozji. F’dan ir-rigward huwa qal; “Filwaqt li għandna bżonn nikkalmaw ftit id-domanda ma rridux nġibu kollass fid-domanda għax l-ekonomija għandha bżonn l-istrutturi ekonomċi tagħha (innegozji) jibqgħuu għaddejin għal meta
jkollna aktar stabbilta’ fil-prezzijiet”.

L-ekonomista qal li huwa għalhekk importanti li kemm il-politika monetarja u anke fiskali jaħdmu id f’id sabiex dan ixxenarju jiġi evitat. Hawnhekk żied jgħid; “Huwa importanti ħafna li meta nitkellmu fuq prezzijiet u fuq x’qed jikkawża l-inflazzjoni, dan isir fil-qafas ta’ analizi xjentifika u mhux waħda superfiċjali”

L-ekonomist Silvan Mifsud temm jgħid li huwa importanti li n-negozji jaraw kif se jsiru aktar effiċijenti fil-mod kif jaħdmu ħalli jżommu l-ispejjeż tan-negozji
tagħhom taħt kontroll. Dan sabiex jkunu jistgħu jnaqqsu il-pressjoni fuq jekk u kemm iridu jżidu l-prezzijiet tagħhom.

Huwa qal li min-naħa l-oħra l-ħaddiem huwa importanti li jifhem li żieda fil-pagi, sena wara sena, sabiex jagħmlu tajjeb għal żieda għolja fil-prezzijiet ma tkunx se tgħinhom sabiex jkollhom is-saħħa tal-pagi tagħhom. Qal ukoll li jkun aħjar li għal xi żmien l-ħaddiema jaraw kif se jibdlu l-konsum tagħhom sakemml-inflazzjoni tiġi taħt kontroll.

Ekonomija

Sport