Saturday, May 4, 2024

FUQ IL-KARTA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ir-riformi li qed jiddaħħlu fl-oqsma tat-turiżmu u tar-ristoranti huma meħtieġa. Huma maħsuba biex min jaħdem fihom ikollu xi tagħrif bażiku dwar l-isfond Malti li fih qed jaħdem. Huma mmirati jekk fhimt tajjeb lejn ħaddiema barranin li mhumiex ġejja mill-Unjoni Ewropea.

Kulħadd faħħar il-proġett. Niddubita kemm se jiswa biex tassew jibdel is-sitwazzjoni preżenti. Ir-realità hi li numru ta’ azjendi turistiċi qed ikollhom problemi biex iżommu s-servitu u ta’ sikwit qed ikollhom jaraw kif jillipazzaw. Il-prezzijiet għas-servizzi turistiċi f’Malta mhumiex daqstant kompetittivi ma’ destinazzjonijiet oħra waqt li l-pagi tal- ħaddiema fis-settur mhumiex gwappi. Is-soluzzjoni qed tkun li jiġu imġjegati ħaddiema barranin minn inħawi fejn imdorrija jitħallsu bil-baxx.

It-turiżmu baqa’ jirrombla imma din mhijiex soluzzjoni li tista’ titħaddem għat-tul. Anqas u anqas jekk jitwettqu r-riformi meħtieġa li qed jiddaħħlu. Probabbli li dawn ma jiġux inforzati u jibqgħu fuq il-karta. Jekk jitwettqu, l-industrija tat-turiżmu tbati. Nittama li għandi żball.

MIN IRID GWERRA, MIN LE

Id-dibattitu fl-Unjoni Ewropea dwar x’għandha tkun il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-politika ta’ difiża iqajjem mistoqsijiet serji li ftit qed ikunu ċċarati b’mod sodisfaċenti. Donnha l-kwistjoni saret dwar min irid gwerra u min le – min lesti iħejji għal gwerra biex jaraha ssir u tirriżolvi “kollox” – u min inkwetat dwar l-ispiża, il-perikli, l-inċertezzi tal-militarizzazzjoni u mhuwiex żgur lejn fejn għandu jiġbed.

Miż-żmien ilu ħafna meta l-Unjoni Sovjetika invadiet (m’hemmx kelm’oħra għal li ġara) liċ-Ċekoslovakkja fis-sena 1968, ma naħsibx li kien hem inċertezzi fl-Ewropa daqs illum. Aktar minn tletin sena ilu, l-kollass tal-Unjoni Sovjetika tqies bħala ftuħ inkomparabbli għal żmien twil ta’ paċi u stabbiltà mal-Ewropa kollha.

REBBIEGĦA

Għal min bħali sa issa, jivvjaġġa ta’ spiss bejn Malta u ċ-ċentru jew in-nord tal-Ewropa tal-Punent, qed isir dejjem aktar diffiċli żżomm kont ta’ f’liema staġun tinsab. F’Malta ta’ sikwit, is-sajf aktar u aktar qed jitlaq bikri, bi sħana li malajr tirranka. Fl-istess jum, wieħed isib ruħu f’belt bħal Brussell fejn il-griż fis-sema għadu qawwi u l-fjuri li jixegħlu ma’ kullimkien għadhom dawk ta’ tmiem ix-xitwa, bħat-tulipan ta’ kull lewn.

Biss, anke għan-nies li jgħixu hemm, malajr il-qalba tat-temp se ssir f’daqqa, u mill-griż tas-sema se jsibu ruħhom maqbuda fi sħana li tifgak miksura ta’ kull spiss b’xita sħuna. Ir-rebbiegħa donnha qed tisparixxi kullimkien, jew tant iddum ftit li trid tagħmel sforz biex tinduna li għadha kemm waslet u diġà qed titlaq. Jew forsi qatt ma eżistiet… u hi sempliċi memorja tal-folklor Ewropew?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport