Sunday, December 22, 2024

FURUR U WARA

Aqra wkoll

Il-furur dwar il-qrati u d-dewmien fil-mod kif jaħdmu l-mezzi ġudizzjarji u tal-pulizija tela’ jbaqbaq. Għamel ħoss fil-midja soċjali u dawk tradizzjonali. Imma mbilli?

Se jinbidel xi ħaġa anke jekk tkellmu l-Prim Ministru u l-Ministru konċernat mis-Sigurtà Nazzjonali? Tfakkarna f’kulma qalu l-Ministri tal-Ġustizzja, Imħallfin u Prim Imħallfin ta’ kull deċennju fl-aħħar żminijiet. Imma mbilli?

F’kull stqarrija li saret, jew kważi, ir-raġunijiet li nġiebu għall-problemi kienu jiftiehmu, u anke kif jistgħu jiġu msewwija. Il-problemi hemm għadhom. Anke jekk ġieli ttieħdu miżuri biex dak li jkun intqal jitwettaq.

Li hemm bżonn hu ta’ programm ċar u dettaljat, dwar kif se titwettaq is-soluzzjoni. M’hemmx bżonn li sa għada tkun twettqet. Imma żgur hemm bżonn li tingħata xi data raġonevoli dwar meta se jintemm. Bħalma tajjeb jew ħażin, ġara dwar it-toroq.

PRIVATI, PUBBLIĊI

Daqs 40 sena ilu, forsi aktar, f’daqqa waħda daħlet il-moda-mewġa favur il-privatizzazzjoni. Proġetti li kienu mmexxija mill-gvern — uħud mhux daqstant tajjeb, oħrajn mhux daqstant ħażin — inbiegħu lill-privat, jew inkella nbidlu fi proġetti fejn il-gvern u l-privat kellhom jaħdmu bi sħab. Ħafna minnhom kienu ta’ natura infrastrutturali li dak iż-żmien kienu jitqiesu bħala adatti biss biex ikun il-gvern li jipprovdihom. Bħall-provista tal-elettriku jew l-ilma.

Li beda jiġri fil-fatt kien li l-partijiet ta’ dawn in-negozji li “jrendu” kienu jiġi mgħoddija lill-privat biex imexxi hu. B’dal-mod is-servizzi mogħtija kellhom isiru aktar effiċjenti għall-aħjar benefiċċju tal-konsumaturi.

Il-privatizzazzjoni tant indrat li ħadd ma baqa’ jitkellem aktar fuq kemm jibbenfika l-konsumatur minnha. Forsi wasal iż-żmien li dal-punt jerġa’ jiġi mifli.

JEMMNU FIL-ĦAJJA

Hi ħaġa ċara li dwar il-kwistjoni tal-abort, teżisti qasma kbira fil-poplu tagħna. Min lest jaċċetta l-abort, min hu kontrih assolutament. Is-sabiħa hi li waqt li kulħadd jappella għal diskussjoni “matura” u “raġunata” tas-suġġett, ħafna fuq iż-żewġ naħat jaraw li min ma jaqbilx magħhom qed jinnega valuri li għandhom ikunu fondamentali għall-ħajja umana.

Dawk li huma kontra l-abort, isejħulu qtil f’kull ċirkostanza ta’ essri uman u ma jistax jiġi tollerat. Dawk li jaqblu li l-abort għandu jkun permess, isejħu ċ-ċaħda tiegħu bħala disprezz profond u krudil lejn il-ħajja, is-saħħa u l-awtonomja personali tal-mara.

Issa naħseb li b’mod ġenwin, it-tnejn jemmnu li qed jesponu l-veri valuri tal-ħajja. Biss hu minnu wkoll li kif ipoġġu l-każ tagħhom, jeskludu kull idea ta’ xi kompromess li jista’ jintlaħaq u li jkun aċċettabbli għat-tnejn. Jekk tgħaddi ta’ naħa, in-naħa l-oħra se tħoss li tilfet kollox.

Ekonomija

Sport