Sunday, November 24, 2024

Futsal: Malta ssofri telfa kontra r-Rumanija

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali Malti tal-futsal tilef kontra r-Rumanija bl-iskor ta’ 2-1 fl-ewwel minn żewġ partiti internazzjonali ta’ ħbiberija li qed jintlagħbu fil-Padiljun tal-Universita’ f’Tal-Qroqq.

Dawn il-partiti għandhom iservu ta’ preparazzjoni għal-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat Ewropew tal-futsal fejn Malta se tkun impenjata bejn Diċembru u April li ġej fejn se tilgħab kontra l-Italja, il-Finlandja u l-Belarus.

Ir-Rumanija, li jinsabu fl-24 post tar-ranking tal-FIFA marru minn fuq tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Dudau Vlad li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni difensiva.

Malta ġabu l-iskor indaqs ftit tas-sekondi wara meta kien is-sostitut Collin Sammut li għeleb lill-goalkeeper Petrisor Tonita.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet fi draw ta’ 1-1, fit-tieni taqsima l-Maltin naqqsu r-ritmu u kien hawn li r-Rumanija marru fil-vantaġġ wara ħarba ta’ Sergiu Gavrila li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Clint Mifsud.

Illum Malta tilgħab it-tieni partita ta’ ħbiberija kontra l-istess Rumanija bil-logħba tibda fis-7pm u tintlagħab fil-Padiljun Sportiv tal-Universita’.

Malta lagħbu b’din il-formazzjoni

Clint Mifsud (Luxol Futsal), Ryan Scerri (University Futsal), Marrwan Telisi (Luxol Futsal), Michael Borg (Luxol Futsal), Giancarlo Sammut (Ta’ Xbiex Futsal), Mark Zammit (Luxol Futsal), Andre Ciancio (Luxol Futsal), Maicon Da Silva Gaieswki (Luxol Futsal), Robert Stoyanov (Luxol Futsal), Celino Alves De Freitas (Luxol Futsal), Andre Cachia (University Futsal), Aaron Montebello (University Futsal), Collin Sammut (Ħamrun Futsal), Luke Gatt (Luxol Futsal).

Sport