Wednesday, October 9, 2024

Il-Malta Enterprise ffirmat għexieren ta’ MOUs bħal dak iffirmat ma’ Vitals

Aqra wkoll

Minn kemm ilha imwaqqfa fl-2004, il-Malta Enterprise ffirmat għexieren ta’ memoranda of understanding bħal dak illi kien iffirmat ma’ Vitals. Din hija proċedura normali li ssir b’rabta ma’ kull investiment barrani li jkun interessat f’pajjiżna. Stqarr dan fil-Qorti s-Sur Mario Galea, eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise meta kompliet tinstema l-kawża fil-konfront ta’ numru ta’ persuni dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Galea spjega illi memorandum of understanding bħal dak iffirmat ma’ Vitals, ma jkunx jorbot legalment.

Galea, li dam 35 sena jahdem l-ewwel mal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp u wara mal-Malta Enterprise, qal li investiment barrani fil-qasam tas-saħħa minn dejjem kien ta’ prijorità u semma bħala eżempju s-settur tal-farmaċewtika u dak tal-produzzjoni tat-tagħmir mediku.

L-eks Kap Ezekuttiv tal-Malta Enterprise tkellem ukoll dwar l-iskola medika ta’ Barts li bdiet topera f’Għawdex wara l-2013. Qal li n-negozjati biex jinġieb dan l-investiment damu għaddejjin sentejn. Kompla jghid li permezz ta’ Barts illum hemm 300 student minn madwar id-dinja jistudjaw u jaħdmu f’Ghawdex u kull sena jiggradwaw 40 tabib.

Żied illi l-Gvern kien daħal fi ftehim ma’ Barts qabel tfaċċaw Vitals u fil-kuntratt ma’ Barts kien hemm il-bżonn li tinbena skola medika f’Għawdex sabiex ma tikkompetix mal-iSkola medika tal-Università ta’ Malta u li jkun hemm upgrading fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Galea qal li għalhekk dak li kien se jiġri mill-isptar t’Għawdex kien se jaffettwa lil Barts.

Spjega illi Vitals kienu interessati li jinvestu f’Għawdex. Qal illi fl-ewwel laqgħa li kellu ma’ Vitals, li ddeskriva bħala waħda informattiva u li għaliha m’attenda ebda Ministru, huwa kien spjega x’kienu l-impenji li daħlu għalihom Barts u kien ipprovda informazzjoni dwar l-ekonomija ta’ Malta. Kienet diskussa wkoll il-possibilità li jiġi ffirmat memorandum of understanding li rizultat tiegħu mbagħad kellu jitfassal business plan.

Mario Galea spjega illi l-memorandum of understanding ffirmat ma’ Vitals kien dwar il-qasam tas-saħħa f’Għawdex biss waqt illi t-tender li eventwalment kien ħareġ kien jinkorpora iżjed setturi u għalhekk il-memorandum of understanding kien waqa’. Qal illi meta sar id-due diligience dwar Vitals ma kienx hemm red flags. Mistoqsi jekk qattx tkellem mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-memorandum of understanding li kien iffirmat ma’ Vitals, Galea wiegeb fin-negattiv. Qal li mal-eks Prim Ministru ġieli tkellem dwar il-progress tal-izvilupp tal-investiment ta’ Barts f’Ghawdex biex iżomm lill-gvern aġġornat.

Antoine Cremona, rappreżentant ta’ Ganado Advocates ikkonferma li huma taw parir lill-gvern dwar kif kellu jimxi dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u magħhom kellhom kumpanija tal-avukati Irlandiża Arthur Cox. Cremona kkonferma li gvern mexa mal-parir tagħhom kif ġie mfassal tender.

L-eks Direttur tal-Artijiet Peter Mamo xehed li qatt ma kellu kuntatt mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar dan il-każ, kif xehed ukoll il-konsulent David Galea, li min-naħa tiegħu kkonferma li l-Ministeru tas-Saħħa kien involut fin-negozjati.
 
 
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport