It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena baqa’ għaddej bil-mument pożittiv tiegħu hekk kif għaddew għal round ieħor tal-E & L Futsal Knock-Out.
Wara li marru tant tajjeb fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-kampjonat Ewropew U19 fejn kisbu rebħa u draw, f’din it-tieni l-akbar kompetizzjoni tal-futsal għelbu lil Fgura United 6-2.
Iż-żgħażagħ Maltin dejjem kienu fil-kmand tal-logħba u stabilixxew vantaġġ tajjeb sabiex ħadu l-kwalifikazzjoni.
Ivin Gatt skorja doppjetta filwaqt li Amin Louati, Denzel Camilleri, Kieran Debono u Mason Agius kienu fost l-iskorers.
Fgura naqqsu l-marġni tal-iskor wara doppjetta ta’ Sebastian Nayar.
St George’s batew mhux ftit sabiex għelbu lil Marsaskala 4-3 fid-dwell bejn żewġ timijiet tan-naħa t’isfel ta’ Malta.
It-tim mill-Kottonera kellu lil Jovica Milijic awtur ta’ doppjetta filwaqt li Sean Parnis u Faisal Alnakou żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.
L-Iskalin baqgħu fil-logħba wara gowls ta’ Dylan Caruana, Amir Ashtyani u Craig Pickard.
Sadanittant, matul din il-ġimgħa tibda t-tieni fażi tal-kampjonat fejn issa t-timijiet ġew maqsuma f’żewġ kategoriji.
Mill-Enemed Premier League, Luxol jilagħbu kontra l-Universita’ ta’ Malta filwaqt li Żurrieq jaffrontaw lil Swieqi United.
Miċ-Challenger League, Malta U19 jilagħbu kontra St George’s filwaqt li Veterans ifittxu li jiksbu l-ewwel punti staġjonali meta jilagħbu kontra Marsaskala.