San Ġwann u Żabbar St Patrick xejn ma sabuha faċli sabiex għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom fil-logħba li kellhom mill-Fuel 10K Under 16 Youth Futsal League.
San Ġwann għelbu lill-ġirien Naxxar Lions 6-5 f’logħba ferm eċitanti. Huma dejjem kienu fil-vantaġġ għalkemm in-Naxxarin baqgħu dejjem viċin tagħhom.
Leeon Attard skorja tliet gowls, b’Kayzon Borg ikun awtur ta’ doppjetta. Mill-banda l-oħra, Michael Borg Hedley għaqqad l-iskor għal San Ġwann.
Naxxar baqgħu fil-logħba grazzi għat-tripletta ta’ Eric Briffa u d-doppjetta ta’ Jake Pace.
Żabbar St Patrick għelbu lil Birżebbuġa Windmills 6-4 fid-dwell bejn żewġ timijiet fin-nofsinhar ta’ Malta.
Wara li ż-Żabbarin kienu qed jirbħu 4-1, it-tim minn Birżebbuġa rnexxielu jġib l-iskor indaqs għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kellhom jaqilgħu żewġ gowls oħra.
Dejan Sant u Luca Zerafa skorjaw doppjetta għal Żabbar b’Luca Borg u Joseph Bromidge li komplew iżidu l-iskor għat-tim tagħhom.
Luis Rapce, Matthew Calleja, Lucas Maria Forace u Ashinbani Zacharia kienu l-awturi tal-gowls għal Birżebbuġa.