Monday, December 9, 2024

MAFA: Marsa St Michael jsaħħu t-tielet post

Aqra wkoll

Marsa St Michael saħħew it-tielet post tal-klassifika meta ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 4-0.

Il-Marsin għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u stabilixxew vantaġġ doppju sa tmiem l-ewwel taqsima grazzi għal Arthur Felippe Stelmach Santana u Juan Ortega Zarate.

Fit-tieni taqsima, il-Marsin baqgħu konsistenti bit-tim Franċiż li sabha diffiċli li jwaqqaf il-furja tal-avversarji hekk kif Santana għaqqad doppjetta personali b’Anas Souhaile li żied ieħor.

Referee kien Lorry Sammut.

Balluta Barracudas kienu dominanti u għelbu lil Mqabba Albions 6-0.

Wara li sal-ewwel taqsima l-iskor kien 2-0, il-Cudas skorjaw erba’ gowls oħra li tawhom rebħa tennistika.

Jake Chetcuti, Matthew Tortell, Andrew Tortell, Ruslan Borg, Mike Micallef u Daniel Zammit Lupi skorjaw għal Balluta Barracudas.

Referee kien Gjorgi Bitri.

Il-kampjonat tat-tieni diviżjoni qed jirriżulta f’wieħed ferm interessanti hekk kif l-ewwel erba’ timijiet huma separati biss b’punt.

Senglea Gunners laħqu lil Valletta Stars St Dominic fl-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lil Żebbuġ Youngsters 3-2.

L-ewwel taqsima kienet ferm bilanċjata hekk kif Andrea Rufa poġġa lil Senglea minn fuq għalkemm Ryan Fonseca ġab l-iskor indaqs għal Żebbuġ.

Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet tkun eċitanti b’George Frendo u Glenn Bonello jiskorjaw żewġ gowls f’temp ta’ minuta għalkemm Fonseca għaqqad doppjetta personali u ħalla ftit tama għaż-Żebbuġin.

Referee kien Jules Ngangue.

Birżebbuġa St Peter’s AFC telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara rebħa tajba ta’ 3-0 kontra Gudja Wanderers.

Wara li Junior Ohalewe poġġa lil Birżebbuġa minn fuq seba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Oussama Boutayeb u Liam Diamond skorjaw lejn l-aħħar tal-logħba.

Referee kien Onur Arslan.

F’logħba mimlija gowls, Qajjenza ACJ telgħu fit-tieni post tal-klassifika tat-tielet diviżjoni wara li għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 9-5.

Qajjenza kienu diġa’ 5-1 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima, bit-tieni 35 minuta li fihom skorjaw erba’ gowls oħra għalkemm lejn l-aħħar irrilassaw xi ftit bl-avversarji tagħhom li komplew naqqsu l-marġni tal-iskor.

Ronnie Celeste kompla jżomm l-appuntament mal-gowl meta skorja erba’ gowls bi Precious Tenebe li kien awtur ta’ tripletta. Callum Cassar u Joseph Fenech għaqqdu l-iskor għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta.

Għal St Paul’s Bay NMFC Sherpa Ngodup skorja doppjetta filwaqt li Hang Sonu Limbu, Rai Sunil u Rochan Acharya għaqqdu l-ħames gowls.

Referee kien Karl Stefan Galea.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Paul’s 15, Għaxaq Wolves 13, Marsa St Michael’s 10, Balluta Barracudas 9, San Ġwann Pro Evolution Academy 4, San Ġiljan Saints, Ta’ Ġiorni Wanderers 1, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic, Senglea Gunners 10, Birżebbuġa St Peter’s AFC, Attard Edex Kings 9 , Żebbuġ Youngsters 5, Ħamrun Amateurs 4, Gudja Wanderers 3, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 12, Qajjenza AFC 7, Naxxar Victorians 5, St Paul’s Bay NMFC 1, Mosta Vikings 0.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport