Swieqi United immarkaw ir-ritorn tagħhom fil-futsal lokali wara li għelbu lill-Universita’ ta’ Malta 7-4 fil-partita prinċipali tal-ewwel ġurnata tal-Enemed Futsal League.
Kienet partita mimlija emozzjonijiet biż-żewġ naħat li mistennija jkunu sfidanti għat-titlu flimkien ma’ Luxol St Andrews.
L-Universita’ kważi dejjem kienu minn fuq, iżda Swieqi dejjem ġabu l-iskor indaqs u saħansitra ħadu vantaġġ minn xi żbalji tal-avversarji lejn l-aħħar tat-tieni taqsima sabiex kisbu t-tliet punti finali.
Brayan Stiven kien il-protagonista għal Swieqi hekk kif skorja tripletta b’Justin Theuma li sab ix-xibka darbtejn. Emerson Molina u awtogowl għaqqdu l-iskor favur ir-rebbieħa.
L-Universita’ kellhom lil Leo Muscat jiskorja żewġ gowls bi Steven Camilleri u Andre Cachia li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Ta’ Xbiex Futsal bdew bl-aħjar mod l-istaġun 2022/23 wara rebħa kbira ta’ 13-3 kontra t-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena. Dawn tal-aħħar kienu qed jagħmlu d-debutt uffiċjali f’din il-kompetizzjoni bl-għan hu li dawn iż-żgħażagħ jingħataw opportunita’ li jilagħbu b’mod kompetittiv filwaqt li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’dan l-isport.
L-akkwist il-ġdid Karl Sciortino skorja sitt gowls, Stefi Cale u Redeemer Borg għaqqdu doppjetta kull wieħed filwaqt li Ivan Delgado, Melvin Borg u Christian Wismayer żiedu aktar gowls għal Ta’ Xbiex.
Shiraz Attard, Colin Sammut u Glen Gauci kienu l-awturi tat-tliet gowls ta’ Malta U19.
Żurrieq Futsal għelbu l-isfida denja li tawhom St George’s Futsal sabiex rebħu 4-2.
Iż-Żrieraq stabilixxew vantaġġ ta’ 4-0 bil-Bormliżi li għamlu reazzjoni li iżda kienet tard wisq.
Kurt Darmanin, Boycho Marev, Gabriel Ghigo u awtogowl ta’ Sean Parnis kienu l-awturi tal-gowls għal Żurrieq b’St George’s li kellhom lil Sean Parnis u Karl Schembri fost l-iskorers.
Finalment fid-dwell bejn żewġ timijiet fin-nofsinhar ta’ Malta, kienu Marsaskala li għelbu lil Fgura 3-2 f’logħba ferm ikkumbattuta.
Il-Fgurin, fir-ritorn tagħhom fil-kompetizzjonijiet tal-futsal, kienu dejjem minn fuq iżda l-aħħar sforzi ta’ Marsaskala ppremjahom sabiex kienu huma li rebħu l-logħba.
Denim Parnis, Dylan Caruana u Ryan Pisani kienu l-awturi tal-gowls għall-Iskalin sabiex Fgura skorjaw permezz ta’ Matthew Camilleri u Valen Petri McKay.