Tliet timijiet qed timijiet qed jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal League wara r-riżultati li kellna mis-seba’ ġurnata ta’ dan il-kampjonat.
Biċ-champions Luxol li ma kinux fl-azzjoni, l-Universita’ ta’ Malta u Valletta ħadu ċ-ċans tagħhom tant li kisbu t-tliet punti mill-konfronti rispettivi tagħhom sabiex telgħu fil-quċċata flimkien mat-tim minn St Andrews.
L-ikbar bravura għamluha l-Universita’ ta’ Malta li għelbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor kbir ta’ 7-1. Dawn tal-aħħar iddiżappuntaw ferm hekk kif tilfu t-tieni logħba konsekuttiva wara l-bidu eċċezzjonali li kellhom. L-Universitarji approfittaw sabiex skorjaw il-gowls tagħhom fil-mumenti l-aktar kruċjali tal-logħba. Protagonista għalihom kien Lee Grech li kien awtur ta’ hat-trick sabiex Mohammed Elamari skorja doppjetta filwaqt li Dale Valletta u Cleavon Portelli żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. L-uniku gowl ta’ Ta’ Xbiex ġie skorjat minn Stefi Cale.
Valletta kisbu rebħa komda ta’ 12-2 kontra Qormi. Din kienet is-sitt rebħa għat-tim mill-kapitali li għenithom ikomplu l-mument pożittiv tagħhom.
Karl Sciortino skorja ħames gowls, Cedric Sciberras wettaq doppjetta filwaqt li Luke Gatt, Dylan Pace, Andre Ciancio, Adem Zouari u Jovica Milijic għaqqdu t-tuzzana għat-tim mill-kapitali. Għal Qormi, Vuk Rankovic skorja doppjetta.
Mellieħa kisbu rebħa prezzjuża ta’ 4-0 kontra Marsaskala. It-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta issa jinsab fit-tielet post tal-klassifika bi 12-il punt minn sitt logħbiet.
Protagonist għal Mellieħa kien Ervin Rigo li skorja hat-trick filwaqt li Andrew Abela ukoll niżżel ismu fost l-iskorers.
F’logħba ferm bilanċjata, St George’s għelbu lil Siġġiewi bl-iskor ta’ 3-2. It-tim mill-Kottonera ħa vantaġġ minn xi żbalji difensivi li ddeterminaw ir-riżultat finali. Herbert Spiteri, Matthew Scicluna u Faisal Alnakou dawru l-iskor għal St George’s b’Siġġiewi li kienu saħansitra 2-0 minn fuq grazzi għall-gowls ta’ Wallace u Jean Lopez li jsibu x-xibka.
Żurrieq kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat wara li għelbu 4-2 lil Naxxar. Charlot Mamo ispira lit-tim tiegħu hekk kif skorja doppjetta filwaqt li penalty ta’ Terence Cachia u gowl ta’ Dylan Darmanin aċċertaw ir-rebħa għaż-Żrieraq. Antoine Barbara wettaq doppjetta f’din il-partita.
KLASSIFIKA:
Luxol, Valletta, L-Universita’ ta’ Malta 18, Mellieħa, Ta’ Xbiex 12, Siġġiewi 9, St George’s 6, Żurrieq 4, Naxxar Lions, Qormi 3, Marsaskala 1.