Friday, November 15, 2024

Futsal: University of Malta ACJ Group jibqgħu jirbħu

Aqra wkoll

University of Malta ACJ Group komplew bil-mument impressjonanti tagħhom matul dan l-istaġun wara li rebħu s-seba’ logħba konsekuttiva. Fil-fatt huma rreġistraw skor ta’ 11-0 kontra Gżira United Santa Margerita Futsal f’logħba li huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar.

Steven Camilleri, Stefan Camilleri u Leo Muscat kienu awturi ta’ doppjetta kull wieħed filwaqt li Andrew Cachia, Dale Valletta, Guillherme Fonseca, Kaue Meggiato u Zvezdan Vukovic għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Referees: Clint Cassar u Arlind Subashi.

Iċ-champions Luxol baqgħu jżommu t-tieni post tal-klassifika meta għelbu lil Marsaskala Futsal 5-2.

Ma kinitx logħba faċli għat-tim minn St Andrew’s li sabu ruħhom 1-0 minn taħt iżda li aktar tard għarfu jdawru r-riżultat favurihom.

Luke Gatt skorja doppjetta filwaqt li Victor Dias, Jefferson Breno u awtogowl għaqqdu l-iskor għal Luxol.

Marsaskala baqgħu fil-partita wara gowls ta’ Craig Pickard u Amir Ashtiyani.

Referees: Marco La Rosa u Arlind Subashi.

Fl-iktar partita mistennija, ŻRQ Bormla komplew bl-isfida tagħhom għan-naħa ta’ fuq tal-klassifika wara li għelbu lil Ta’ Xbiex Futsal 10-3.

Il-Bormliżi kellhom logħba ferm tajba b’Ta’ Xbiex li kellhom il-mumenti tagħhom għalkemm it-tieni taqsima kienet ferm diffiċli għalihom meta qalgħu xejn inqas minn ħames gowls mingħajr risposta.

L-iskorer prolifiku Karl Luke Schembri skorja erba’ gowls, Jovica Milijic kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Rodrigo Da Silva, Chris Cardona u żewġ awtogowls komplew jgħaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Ta’ Xbiex naqqsu l-marġni tal-iskor min doppjetta ta’ Glenn Bonello u gowl ieħor ta’ Stefi Cale.

Referees: Stephen Vella u Clint Cassar.

Swieqi United baqgħu jżommu l-pass mat-timijiet tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika wara li għelbu lil Sliema Futsal 13-1.

Sa tmiem l-ewwel taqsima, l-iskor kien 10-0 favur Swieqi li kif jindika l-iskor kienu kmandi assoluti tal-logħba.

Emerson Molina skorja erba’ gowls, Brayan Stiven u Dylan Pace kienu awturi ta’ doppjetta kull wieħed filwaqt li anke Brandon Debono, Rodney Debono, Cristian Sanchez Cruz, Andrew Abela u Gregory Busuttil ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Giuseppe Barone skorja l-uniku gowl għas-Slimiżi.

Referees: Stefania Bonnici u Arlind Subashi.

Birżebbuġa St Peter’s Futsal kisbu tliet punti ferm importanti għall-klassifika tagħhom wara rebħa ta’ 9-4 kontra s-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena.

Hamza Harrat u Julien Bollard skorjaw tliet gowls kull wieħed filwaqt li Kieran Debono, Denim Parnis u awtogowl żiedu aktar gowls għal Birżebbuġa.

Iż-żgħażagħ Maltin skorjaw l-erba’ gowls tagħhom minn doppjetta ta’ Amin Louati b’Robert Malool u Mason Agius li wkoll kienu fost l-iskorers.

Referees: Andrea Naudi u Danilo Francalanza.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE

University of Malta ACJ Group 21, Luxol St Andrew’s 19, ŻRQ Bormla 16, Swieqi United FC Futsal 15, Birżebbuġa St Peter’s 12, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 9 , Selezzjoni Maltija U19 4, Selezzjoni Maltija U18 3, Sliema Wanderers FC Futsal 2, Marsaskala Futsal 1, Gżira United Santa Margherita 0

Ekonomija

Sport