Saturday, May 18, 2024

MAFA: Valletta St Paul’s jirritornaw għar-rebħ

Aqra wkoll

Valletta St Paul’s irritornaw għar-rebħ b’mod drammatiku wara li għelbu lil San Ġiljan Saints 3-2.

Kienet logħba ferm eċitanti bir-riħ li beda jonfoħ mhux ftit fil-grawnd ta’ Marsaxlokk ikun il-protagonist prinċipali iżda biż-żewġ settijiet ta’ plejers li taw qalbhom f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli.

Il-Beltin ħarġu tajjeb u marru minn fuq wara biss minuta permezz ta’ Hugo Mancuso. Lucas Vinicius irdoppja l-iskor seba’ minuti wara sabiex qabel tmiem l-ewwel taqsima Claude Jansen naqqas il-marġni tal-iskor.

Fit-tieni taqsima, San Ġiljan ħarġu tajjeb u ġabu l-iskor indaqs minn Ethan Goodman. Hekk kif il-logħba kienet destinata li tispiċċa fi draw, il-Beltin skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Lucas Vinicius li b’hekk skorja doppjetta personali.

Din ir-rebħa għenet lil Valletta St Paul’s iħarsu lejn il-konfront diffiċli li għandhom kontra Swieqi Braves nhar is-Sibt li ġej b’aktar ottimiżmu.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

F’partita ferm bilanċjata, San Ġwann Pro Evolution Academy u Valletta Stars St Dominic spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Dan ir-riżultat ftit biddel il-klassifika taż-żewġ timijiet iżda kien riżultat ġust għal dak li ġara tul il-partita. Nori Ahmed poġġa lil San Ġwann minn fuq sabiex Kawsu Jawneh ġab l-iskor indaqs għal Valletta Stars.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Ta’ Ġiorni Wanderers saħħew it-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni meta għelbu lil Buġibba Club de SWAT 3-1.

Il-Wanderers kienu determinati li jieħdu t-tliet punti akkost ta’ kollox sabiex jibqgħu fit-tiġrija għall-promozzjoni.

Alexis Manthos skorja doppjetta bejn l-20 u s-26 minuta b’Liam Caruana Montalto li żied ieħor fit-53 minuta.

Buġibba naqqsu l-marġni tal-iskor tliet minuti minn tmiem il-konfront permezz ta’ Shibin Maliyekkal. B’din it-telfa huma baqgħu f’qiegħ il-klassifika b’punt wieħed biss.

Referee kien Jason Penza.

Mqabba Albions u Attard Edex Kings kellhom jikkuntentaw b’punt mil-logħba ta’ bejniethom wara skor ta’ 1-1.

Mqabba kellhom l-ewwel taqsima ferm pożittiva fejn ħadu vantaġġ li kellhom ir-riħ favurihom sabiex marru fil-vantaġġ, b’Attard li ħarġu ferm aggressivi fit-tieni taqsima fejn ġabu d-draw żewġ minuti minn tmiem il-logħba.

Il-goalkeeper ta’ Mqabba Makoto Kikushima skorja gowl sabiħ mid-distanza sabiex poġġa lit-tim tiegħu minn fuq sabiex Wak Oshoke Audo Clement skorja l-gowl tad-draw fit-68 minuta.

Referee kien Alex Grech.

Fit-tielet diviżjoni, Ħal Far Titans temmew l-ewwel round fl-ewwel post tal-klassifika wara li rebħu l-konfront dirett kontra Naxxar Victorians 1-0.

It-tim minn Ħal Far kienu determinati li jiksbu dawn it-tliet punti għalkemm Naxxar Victorians kienu dejjem fil-logħba u kienu żvinturati li qalgħu l-gowl minuta minn tmiem il-logħba meta kien Luke Busuttil li sab ix-xibka għat-Titans.

Referee kien Karl Stefan Galea.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 11, Balluta Barracudas 10, San Ġiljan Saints, Valletta St Paul’s 7, Senglea Gunners 6, Marsa St Michael 5, Valletta Stars 5, San Ġwann Pro Evolution Academy 4

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 13, Ta’ Ġiorni Wanderers 10, Mqabba Albions 7, Gudja Wanderers, Birkirkara St Joseph, Attard Edex Kings 5, Buġibba Club de SWAT, Żebbuġ Youngsters 4.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħal Far Titans 10, Ħamrun Amateurs 8, Naxxar Victorians 5, Kalkara Flames 2, Mosta Vikings 1

Sport