Thursday, December 19, 2024

Futur inċert għall-Prim Ministru Kanadiż

Aqra wkoll

Il-futur tal-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau jidher inċert wara r-riżenja għall-għarrieda tad-deputat Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi, l-aktar membru anzjan tal-kabinett ta’ Trudeau li darba kienet alleat mill-qrib tiegħu.

Chrystia Freeland irriżenjat mill-karigi tagħha nhar it-Tnejn b’ittra miftuħa lil Trudeau, li fiha ddeskriviet in-nuqqas ta’ qbil li kellha miegħu dwar l-infiq tal-gvern u l-aħjar triq ‘il quddiem għall-Kanada.

Dan in-nuqqas ta’ qbil ġie enfasizzat mit-theddida tal-President elett Amerikan Donald Trump li jintroduċi tariffi fuq oġġetti Kanadiżi, – tariffi li l-ekonomisti jgħidu li jistgħu jagħtu daqqa ekonomika devastanti lill-Knadda.

Issa qed isiru mistoqsijiet fil-Parlament, inkluż minn xi membri tal-Partit Liberali ta Trudeau stess, dwar jekk hux kapaċi jmexxi l-pajjiż f’dan il-mument kritiku.

Trudeau ilu mexxej tal-Partit Liberali tal-Kanada mill-2013, u Prim Ministru tal-Kanada għal ftit aktar minn disa’ snin, mill-2015.

Taħt il-kostituzzjoni tal-partit, il-mexxej jista’ jippreżenta r-riżenja tiegħu jew tagħha fi kwalunkwe ħin. Jekk ir-riżenja tkun b’effettiv immedjatament, jinħatar mexxej interim sakemm il-membri tal-partit ikunu jistgħu jivvutaw għal mexxej permanenti ġdid.

Trudeau jista’ wkoll jagħżel li jibqa’ fil-kariga tiegħu sakemm jiġi elett dak il-mexxej il-ġdid.

Ladarba jinħatar mexxej ġdid, Trudeau jkollu jċedi s-setgħat prim ministerjali tiegħu u jgħaddihom lis-suċċessur tiegħu. Madankollu, Trudeau mhux qed jindika jew jibgħat sin jali li se jirriżenja volontarjament dalwaqt.

F’laqgħa ta’ emerġenza mal-caucus tiegħu wara t-tluq ta’ Freeland, Trudeau qal lil membri Liberali tal-parlament – inklużi xi wħud li kienu talbu direttament biex iwarrab – li kien se jieħu ż-żmien biex jirrifletti. 

U f’diskors tal-vaganzi tal-Milied lill-membri tal-Partit Liberali nhar it-Tlieta, huwa rrikonoxxa li l-politika għandha “sfidi kbar” iżda qal li “fi żminijiet diffiċli, mhux il-waqt li tieqaf anzi huwa żmien li tkun ambizzjuż u awdaċi.”

Trudeau ilu taħt pressjoni mis-sajf, minħabba li l-popolarita tiegħu qed tonqos u b’sensiela ta’ telf ta’ siġġijiet Liberali fl-elezzjonijiet speċjali li darba kienu sikuri. L-istħarriġ jindika li kieku llum kellha ssir elezzjoni federali Kanadiża, il-Partit Konservattiv tal-oppożizzjoni jingħata rebħa deċiżiva.

F’Ottubru, huwa ffaċċja rewwixta żgħira tal-caucus, b’24 MP iffirmaw ittra li titlob għar-riżenja tiegħu. Trudeau żamm sod u minkejja dan l-inkwiet kemm il darba wiegħed li jerġa’ jikkontesta bħala mexxej Liberali fl-elezzjoni li jmiss.

13 biss minn 153 Membru Parlamentari Liberali s’issa talbu b’mod miftuħ biex jitlaq.

Xorta waħda, taħt il-kostituzzjoni tal-partit, il-pożizzjoni tal-mexxej tista’ titpoġġa għall-vot formalment biss mill-membri wara telfa elettorali.

Fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika b’vantaġġ b’żewġ ċifri, il-Konservattivi ilhom xhur ippruvaw iqanqlu elezzjoni billi ressqu sensiela ta’ voti ta’ sfiduċja fil-House of Commons. Jekk gvern jitlef mozzjoni ta’ fiduċja jew vot fil-Kamra, ikun mistenni li jirriżenja jew ifittex ix-xoljiment tal-parlament, u b’hekk tiskatta elezzjoni federali. Il-gvern jeħtieġ l-appoġġ ta’ maġġoranza tat-338 membru parlamentari f’vot ta’ sfiduċja. Il-Liberali huma 17-il siġġu inqas minn dan. L-isforzi Konservattivi fallew wara li jew l-NDP jew il-Blokk Québécois appoġġaw lill-Liberali bi tpattija għall-appoġġ biex jimbuttaw ‘il quddiem il-prijoritajiet politiċi rispettivi tagħhom stess.

Bil-parlament jaġġorna għall-vaganzi nhar it-Tlieta li għadda, Trudeau mhux se jkun qed jiffaċċja mozzjoni ta’ fiduċja oħra sa mill-inqas l-aħħar ta’ Jannar.

Ikun xi jkun li Trudeau jiddeċiedi li jagħmel, elezzjoni fix-xhur li ġejjin hija inevitabbli. Il-Kanada trid tagħmel l-elezzjoni li jmiss f’Ottubru jew qabel, u fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu jkunu l-votanti li jispiċċaw jiddeċiedu l-futur ta Trudeau.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport