Tliet aġenziji tal-aħbarijiet jiftħu kawża kontra l-White House

Aqra wkoll

Tliet organiżazzjonijiet kbar tal-aħbarijiet fl-Istati Uniti, CNN, Politico u MS NOW, ħabbru li se jiftħu kawża kontra l-amministrazzjoni tal-president Donald Trump wara li dawn il-mezzi tax-xandir Amerikani tneħħielhom l-aċċess u ġew projbiti mill-White House.

Il-President Trump ħabbar din il-projbizzjoni nhar il-Ġmgħa, fejn akkuża lil dawn l-organizzazzjonijiet li kienu qed jiktbu “invenzjonijiet jew gideb” dwar it-tim tiegħu. L-organiżazzjonijiet qalu li r-rappreżentanti tagħhom ġew imċaħħda mill-aċċess għall-White House nhar is-Sibt.

Fi stqarrija nhar it-Tnejn, huma qalu li kienu qed jieħdu passi legali biex jiddefendu l-prinċipju li l-gvern m’għandux jindaħal jew jiddeċiedi x’tirrapporta l-istampa.

Il-White House nediet stazzjon ta’ streaming – Trump TV – wara li n-netwerks ewlenin tal-aħbarijiet fl-Istati Uniti ssospendew il-kopertura konġunta tagħhom tal-President qabel l-Assemblea Ġnerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

B’reazzjoni għall-aħbar tal-kawża legali, Trump irreaġixa bil-mod solitu tiegħu u ddeskriva lill-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet bħala “buffi tat-tielet klassi” u “stampa diżonesta u korrotta li timminimizza u tmaqdar” il-kisbiet tiegħu.

“Nies u pubblikazzjonijiet tal-‘Fake News’ li jiktbu biss b’mod negattiv, u li jikkompromettu s-Sigurtà Nazzjonali tal-pajjiż billi jippubblikaw stejjer foloz u malafamanti bbażati fuq ‘sorsi’ mhux magħrufa, m’għandhomx jitħallew ikollhom aċċess għall-aktar Uffiċċju importanti fid-dinja,” kiteb Trump fuq il-pjattaforma tiegħu, Truth Social.

Fi stqarrija konġunta, CNN, Politico u MSNBC sostnew li “mingħajr avviż jew proċess xieraq, il-White House irrevokat il-kredenzjali tal-ġurnalisti tagħhom għax ma qablitx mar-rappurtaġġ tagħhom. 

Sostnew ukoll li jekk din l-azzjoni titħalla għaddejja mingħajr oppożizzjoni, thedded il-libertà tal-istampa u d-dritt tal-pubbliku għal ġurnaliżmu indipendenti u ħieles mill-indħil tal-gvern.

Nhar it-Tnejn, l-organizzazzjonijiet tal-midja fetħu kawża fil-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti f’Washington, fejn talbu lil imħallef biex jiddikjara malajr li l-projbizzjoni ta’ Trump hija antikostituzzjonali u biex iwaqqaf lill-assistenti tiegħu milli jinfurzawha.

Filgħodu tat-Tnejn, l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni fl-Istati Uniti rtiraw mill-arranġament magħruf bħala “pool” tal-White House – dan huwa sistema fejn l-organizzazzjonijiet tal-midja jaqsmu l-materjal bejniethom biex jiffrankaw l-ispejjeż u l-ispazju meta jxandru avvenimenti presidenzjali lill-pubbliku Amerikan.

Ħames stazzjonijiet televiżivi — ABC, CBS, CNN, Fox News u NBC ħarġu stqarrija konġunta li fiha qalu li l-pubbliku għandu interess vitali li jingħata informazzjoni preċiża u indipendenti dwar il-gvern tiegħu.

Dawn il-ħames stazzjonijiet huma meqjusa bħala l-uniċi li għandhom ir-riżorsi finanzjarji u l-infrastruttura meħtieġa biex ixandru direttament mill-White House u minn avvenimenti presidenzjali.

Meta ħabbar il-projbizzjoni tiegħu fuq CNN, Politico u MSNBC il-ġimgħa li għaddiet, Trump ma semmiex stejjer jew rapporti speċifiċi li wasslu għal din il-mossa, iżda aktar tard qal li “hija biss kwistjoni ta’ sensiela ta’ stejjer li akkumulaw matul l-aħħar ftit snin”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport