ĦIDMET IL-GWU LOKALMENT U INTERNAZZJONALMENT

Aqra wkoll

Fil-kuntest taż-żminijiet tal-lum, ikkaratterizzati mid-diġitalizzazzjoni mgħaġġla, ir-ristrutturar tal-ekonomija u l-globalizzazzjoni, l-azzjoni tal-General Workers’ Union tibqa’ topera fuq żewġ livelli. Dik nazzjonali u dik internazzjonali, li jinfluwenzaw kif il-GWU teżerċita s-setgħa ta’ rappreżentanza tagħha fit-tnejn li huma. 

Fil-livell lokali, il-missjoni fundamentali tal-GWU hi msejsa fuq it-tisħiħ tradizzjonali tal-ftehimi kollettivi, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tagħha fid-djalogu soċjali mal-imsieħba soċjali l-oħra kollha.

Il-ħidma tal-GWU mhix biss il-protezzjoni tal-ħaddiem Malti fil-post tax-xogħol tiegħu imma tmur lil hinn minn hekk biex tinkludi l-ħarsien tal-ħaddiema vulnerabbli u l-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi, fenomenu li kompla jiżviluppa f’dawn l-aħħar snin minħabba li mhux jinstabu biżżejjed ħaddiema biex jaħdmu f’ċertu setturi fosthom l-industrija tat-turiżmu u l-carers primarjament. 

Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-GWU adottat strateġija pro-attiva biex tkompli tkabbar id-difiża ta’ kull ħaddiem fuq il-post tax-xogħol tiegħu u taħdem kontra l-fenomenu tax-xogħol u ħlas prekarju. Ħidma oħra tal-GWU hija li tinsisti fuq il-prinċipju ta’ paga ugwali għall-istess xogħol. 

Fil-qasam leġiżlattiv u dak soċjali, il-GWU tiffoka wkoll fuq riformi kbar bħal reviżjoni tal-Wage Regulation Orders, li jkun hemm dħul diċenti għall-għajxien u li topponi kontra kwalunkwe sfruttament.

Fil-livell internazzjonali, ir-relazzjonijiet li għandha l-GWU ma’ entitajiet oħra li jirrappreżentaw l-interessi tal-ħaddiema, huma parti integrali mill-aġenda tagħha. Il-GWU ilha snin twal membru attiv kemm tal-ETUC u kif ukoll tal-ITUC li permezz tagħhom tikkontribwixxi direttament fit-tfassal ta’ direttivi Ewropej inklużi d-Direttiva dwar il-Paga Minima Adegwata, id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi kif ukoll ir-Regolamentazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

Meta wieħed iħares lejn l-aspetti kollha li fihom topera l-GWU, il-konklużjoni hi li l-GWU ma toperax sempliċiment bħala unjin tradizzjonali, li tillimita ruħha biss għat-tilwim industrijali lokali. Minflok, hija taġixxi bħala istituzzjoni soċjo-ekonomika li tibbilanċja s-solidarjetà u n-negozjar kollettiv domestiku mar-rappreżentanza istituzzjonali u leġiżlattiva fuq il-livell Ewropew u globali.

Permezz ta’ dan il-mudell b’żewġ binarji, il-GWU qed tkompli ssawwar u tħares l-ambjent legali u soċjali filwaqt li tiżgura li d-drittijiet tax-xogħol f’Malta jibqgħu f’armonija mal-ogħla livelli internazzjonali tal-ġustizzja soċjali. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport