Monday, May 13, 2024

F’Venezja se jkunu projbiti gruppi kbar ta’ turisti u loudspeakers

Aqra wkoll

F’Venezja se jkunu projbiti l-loudspeakers u gruppi turistiċi ta’ aktar minn 25 persuna, fi sforz biex jitrażżan l-impatt tat-turiżmu tal-massa fuq din il-belt Taljana. Dawn ir-regoli ġodda se jkunu qegħdin jidħlu fis-seħħ minn Ġunju li ġej.

Fi stqarrija ntqal li l-użu ta’ loudspeakers qed ikunu projbiti minħabba li jistgħu “jiġġeneraw konfużjoni u anke disturbi.” It-“turiżmu żejjed” huwa rikonoxxut bħala kwistjoni urġenti għal din il-belt, li hija waħda mill-aktar popolari mat-turisti fl-Ewropa.

F’Settembru li għadda, Venezja approvat ukoll it-tariffa ta’ €5 għall-viżitaturi ta’ kuljum. Elisabetta Pesce, l-uffiċjal responsabbli għas-sigurtà f’din il-belt, qalet li dawn l-aħħar miżuri huma immirati biex itejbu l-immaniġġjar ta’ gruppi organizzati.

Minkejja li d-daqs tagħha huwa biss ta’ 7.6 kilometri kwadri, Venezja laqgħet kważi 13-il miljun turist fl-2019. In-numru ta’ turisti mistenni li jiżboq il-livelli ta’ qabel il-pandemija fis-snin li ġejjin.

Fix-xhur li għaddew, il-UNESCO qalet li din il-belt għandha tiżdied mal-lista ta’ siti ta’ wirt dinji li jinsabu f’riskju, hekk kif l-impatt tat-tibdil fil-klima u t-turiżmu tal-massa jistgħu jkunu ta’ theddida li jwasslu għal bidliet irriversibbli fiha.

Sport