“Naħseb li l-aktar ħaġa li tiġbidlek l-attenzjoni hija dik li n-natura tax-xogħol tiegħu hija li jrid iħaffef. Iktar ma jħaffef u jilħaq orders, aktar hemm ċans li jaqla’ xi ħaġa. Issa dan ma qgħadx iqis li se jieqaf mix-xogħol. Forsi dak il-ħin ma kellux ikel xi jwassal imma xorta waqaf jassisti u dik hija xi ħaġa li trid tammiraha. Ġab l-interess ta’ xi ħadd li aktarx ma jafux qabel il-flus u jekk wieħed joqgħod jikkonsidra ftit il-mod kif jaħdmu dawn in-nies, dejjem ġlieda mal-ħin, naħseb li fiha aktar ammirazzjoni”.
Qal dan lil L-ORIZZONT is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-General Workers Union (GWU), Brian Bonnici, b’referenza għal ritratt li ċċirkola fil-midja soċjali fejn courier jidher f’ġenb ta’ triq jitbaxxa ħdejn persuna mitluqa mal-art. Dan il-ħaddiem barrani waqaf biex jgħin lil xi ħadd li jidher li kellu inċident.
Bonnici spjegalna kif “kont qiegħed indawwar fuq il-midja soċjali u rajt dak ir-ritratt u mill-ewwel ġibidli l-attenzjoni. Dan fis-sens li meta tqis kif kultant nonqsu mir-rispett lejn dawn in-nies u nippretendu li jiġi l-ikel fil-maltemp u aħna qegħdin ġewwa, dan niżel minn fuq il-mutur u waqaf biex jgħinu”.
Kummenti jfaħħru lill-ħadddiema barranin
Min-naħa tiegħu Bonnici speċifika kif idea ta’ x’ġara eżatt huwa m’għandux “imma jekk mbagħad tara l-kummenti li tellgħu fil-post tiegħi ħareġ il-pożittiv. Li ħareġ tajjeb huwa li jidher li qegħdin napprezzaw aktar lil dawn in-nies. Kulħadd ikkumenta pożittiv fuqhom. Ħafna drabi qisu jkun hemm kritika lejn il-ħaddiema barranin imma jekk tara dawn il-kummenti, kollha faħħruhom”.
Fost messaġġi li dan is-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU kkwota hemm minn persuni li kienu l-isptar li qalu kemm għenuhom u kemm kienu ġentili magħhom il-ħaddiema barranin. Ieħor semma’ kif fuq karozza tal-linja l-barranin biss iċedu posthom lill-anzjani u oħra rrakkontat kif kaxxier barrani kien ħa ħafna paċenzja jispjegalha u jassistiha.
“Għalija pożittiva ħafna li naqra dawn it-tip ta’ kummenti. Dan għax f’daqqa waħda qisu qegħdin napprezzaw lil dawn in-nies. Sa ftit ilu konna noqogħdu nittimbrawhom u niġġudikawhom. Imma, għandna nistmgħu lil kulħadd ta’ uman. M’hemmx razza. M’hemmx kulur u m’hemmx reliġjon. Kulħadd huwa bniedem u mis-sema ‘l isfel kulħadd huwa l-istess. Imn’alla għandna lil dawn in-nies. Ma ninsewx li qegħdin jagħtuna servizz kbir bix-xogħol tagħhom”.

