Il-manager ta’ San Francisco Giants Gabe Kapler qal li mhux se joħroġ għall-innu nazzjonali tal-Istati Uniti qabel il-logħob “sakemm inħossni aħjar dwar id-direzzjoni ta’ pajjiżna”.
Kapler, 46, qal li qed jaġixxi hekk wara l-isparatura ta’ Robb Elementary School.
Dsatax-il tifel u tifla u żewġ għalliema nqatlu f’Uvalde, Texas, nhar it-Tlieta.
L-ex plejer tal-NFL Colin Kaepernick kien qagħad irkopptejh waqt l-innu nazzjonali qabel il-logħob ta’ San Francisco 49ers fl-2016 bħala protesta għall-ġustizzja razzjali.
Kapler qal lill-ġurnalisti f’Cincinnati, Ohio, nhar il-Ġimgħa: “Ma nistenniex li se nwassal biex issir il-bidla meħtieġa, iżda hija xi ħaġa li nħoss bil-qawwa biżżejjed biex nagħmel dak il-pass.”
Iktar kmieni kien kiteb esej fuq il-websajt tiegħu fejn fiha spjega d-dispjaċir tiegħu li kien qagħad bilwiefa għall-innu nazzjonali wara minuta silenzju għall-vittmi qabel il-logħba ta’ nhar it-Tlieta.
Il-Maniġer tas-Sena tal-Kampjonat Nazzjonali 2021 qal: “Ma waqafniex nirriflettu dwar jekk aħniex fil-fatt ħielsa u kuraġġużi wara dan l-avveniment orribbli, sempliċiment bqajna attenti.”