Somma rekord ta’ €11,000 nġabret waqt BBQ annwali tas-sajf li sar b’risq Id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi organizzat minn Pierre Vella Petroni, Anne Marie Xuereb u l-familja tagħhom. Din l-inizzjattiva ilha ssir f’darhom għal aktar minn 16-il sena.
Matul l-attività, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lill-organizzaturi, lill-voluntiera, lill-isponsors u lill-150 persuna li attendew.
Il-flus miġbura se jgħinu lid-Dar biex tkun tista’ tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità lil persuni b’diżabilità. Id-Dar teħtieġ madwar 8 miljun ewro fis-sena biex tkopri l-operat tagħha.
Fi kliem l-organizzaturi, “Din l-attività ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna imprezzabbli tal-familja u tal-ħbieb li taw daqqa t’id fil-loġistika, fit-tisjir, kif ukoll ta’ dawk kollha li attendew u tal-kumpaniji li mill-ewwel qablu li jgħinu din il-kawża ġusta”
L-attività ta’ din is-sena kienet animata mill-artist lokali popolari Kurt Calleja.
L-isponsors ewlenin kienu Prime Ltd, C. Camilleri & Sons, Ron Axisa, Welbees Naxxar, The General Soft Drinks Co. Ltd, Farsons Direct, Heir & Loom, Bristow Potteries, VCT (Malta) Ltd, Provita, Rausi & Co, Live Life Outdoor, Maypole Ltd, BRND WGN, Godwin’s Ice u Gordon Portelli ta’ Pitkali Malta.
