Investiment ta’ €12.8 miljun fil-qalba tal-komunitajiet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Permezz ta’ ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta, se jsir investiment dirett li jlaħħaq it-€12.8 miljun fi proġetti fil-komunitajiet madwar Malta. Dan l-investiment se jkun mifrux fuq perjodu ta’ sentejn u se jwassal għal aktar proġetti infrastrutturali li jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti tal-lokalitajiet fosthom xogħlijiet ta’ manutenzjoni, aċċessibilità, spazji pubbliċi u interventi oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. 

Dan il-ftehim ġdid tħabbar ilbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Emil Vassallo. Preżenti kien hemm ukoll is-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi tal-lokalitajiet kollha madwar Malta.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Zerafa Civelli qalet li ftit aktar minn sentejn ilu ġie ffirmat l-ewwel ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta. Qalet li f’dawn l-ewwel sentejn twettqu 123 proġett infrastrutturali f’lokalitajiet differenti b’allokazzjoni ta’ €10 miljun. 

“Illum qegħdin inġeddu dan il-ftehim b’allokazzjoni akbar,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli. Fil-fatt, il-ftehim il-ġdid se jkun qed jara żieda konsiderevoli fl-investiment, minn €10 miljun għal €12.8 miljun, li se jagħti aktar spazju lill-Kunsilli Lokali biex ikomplu jimplimentaw proġetti li jagħmlu differenza konkreta fil-komunitajiet tagħhom. Fl-istess waqt li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi. Din iż-żieda fl-investiment hija wkoll waħda mill-wegħdiet elettorali tal-manifest tal-Gvern, u li twettqet fl-ewwel mitt jum.

Il-Ministru Zerafa Civelli qalet li dan l-investiment huwa konferma tal-impenn tal-Gvern li jkompli jkun qrib il-Kunsilli Lokali u r-residenti, billi jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex il-prijoritajiet tal-komunitajiet jinbidlu fi proġetti konkreti. 

Hija saħqet li l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali biex l-investiment pubbliku jasal direttament fejn hemm l-akbar bżonn u jwassal għal titjib tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo saħaq fuq l-importanza li wieħed jibqa’ sensittiv għar-realtajiet tal-komunitajiet lokali, filwaqt li jkun hemm rispett sħiħ lejn l-awtonomija tal-kunsilli lokali. Huwa sostna li għandhom ikunu l-kunsilli stess li jagħżlu liema proġetti jitwettqu fil-lokalitajiet tagħhom, hekk kif huma l-aktar qrib tar-residenti u għalhekk jafu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt, qalet li dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-ħidma konġunta mal-Kunsilli Lokali biex il-proġetti jiġu identifikati u implimentati b’mod aktar effiċjenti. Hija saħqet li ż-żieda fl-allokazzjoni se tippermetti li jiġu mwettqa aktar proġetti li jħallu impatt konkret u pożittiv fuq l-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura tal-lokalitajiet tagħna.

Permezz tal-ftehim il-ġdid, il-finanzjament se jkompli jibdel il-prijoritajiet lokali fi proġetti konkreti, b’baġits, skedi ta’ żmien u responsabbiltà stabbiliti b’mod ċar. Dan se jwassal għal proċess aktar strutturat u effiċjenti, filwaqt li jiżgura li l-investiment ikun aktar ġust u bbażat fuq il-ħtiġijiet reali tal-lokalitajiet.

L-għan jibqa’ li jissaħħu l-koordinazzjoni u r-responsabbiltà bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, sabiex l-investiment iwassal għal spazji pubbliċi aktar siguri, aċċessibbli u ta’ kwalità għar-residenti.

L-investiment se jkompli jappoġġja wkoll inizjattivi li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum, fosthom il-ħidma biex ikompli jsir titjib fil-bankini madwar il-pajjiż kollu, b’enfasi fuq aktar aċċessibbiltà u mobbiltà għall-komunitajiet kollha.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qed ikompli jinvesti fil-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta, filwaqt li jagħtihom l-għodda u l-appoġġ meħtieġ biex il-viżjoni tagħhom għall-lokalità tinbidel f’proġetti konkreti li jħallu impatt pożittiv fuq ir-residenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport