Saturday, December 21, 2024

Gabriele Gravina jgħid li l-ingaġġ ta’ Ronaldo ma’ Juventus kien wieħed ħażin

Aqra wkoll

Il-president tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Football (FIGC), Gabriele Gravina, jemmen li l-ingaġġ ta’ Cristiano Ronaldo kien ‘pass ħażin’ għal Juventus u jittama li l-Italja tospita l-Euro 2028.

Dan ġie żvelat meta l-president tal-FIGC tkellem mal-programm tat-televiżjoni Tiki Taka dwar l-istat tal-football Taljan.

Minkejja r-rebħa tal-Italja fil-Euro 2020 matul is-sajf, ħafna clubs tas-Serie A qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ekonomika ta’ sfida minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Madankollu, Gravina jemmen li l-battalji tal-clubs Taljani huma l-  istess bħal dawk ta’ clubs oħra Ewropej.

“Aħna m’aħniex falluti, qed niffaċċjaw l-istess kwistjonijiet bħal pajjiżi Ewropej oħra,” qal Gravina.

“Bħalissa, qed nesperjenzaw diffikultajiet kbar, li l-pandemija għamlet l-agħar u kkawżat telf ieħor ta’ €1 biljun. Madankollu, il-football Taljan huwa attraenti, għandu appell straordinarju meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, iżda ma ġiex żviluppat kif jixraqlu.

“Irridu naħdmu kulħadd flimkien, nimmodernizzaw il-football u neħilsu mill-inċidenti li seħħew minn ftit ġimgħat ilu.”

Gravina kien qed jirreferi għal ħafna inċidenti razzisti li seħħew fis-Serie A mill-bidu tal-istaġun.

“Għandna l-għodda kollha biex nidentifikaw lil dawk responsabbli u nipprojbixxuhom mill-istadji għal ħajjithom kollha,” qal Gravina.

“Nistgħu nagħmlu dan, ippruvajna nibdlu responsabbiltà oġġettiva tal-clubs għal responsabbiltà individwali.

“Għandna t-teknoloġija u l-clubs qed jikkollaboraw, nistgħu nidentifikaw il-partitarji waħedhom u nipprojbixxuhom mill-istadji għal ħaj­jithom kollha.”

Skond bosta rapporti fl-Italja, l-FIGC qed tikkunsidra offerta biex tospita l-Euro ta’ seba’ snin oħra.

“Għandi ħolm u nipprova nwettqu,” stqarr Gravina.

“Naħseb li diġà rrealizzajt xi wħud minnhom. Nittama li din il-ħolma ssir realtà għall-ġid tal-football Taljan.”

Gravina kkummenta wkoll dwar it-tliet snin ta’ Cristiano Ronaldo ma’ Juventus u t-taqtiegħa għat-titlu tas-Serie A.

L-istilla Portugiża kien ingħaqdet mal-Bianconeri għal €110m fl-2018, iżda reġa’ lura ma’ Manchester United fis-sajf li għadda għal €15-il miljun flimkien ma’ €8 miljun oħra f’żiediet oħra.

Huwa skorja 101 goal f’134 dehra mal-Bianconeri, u rebaħ ħames titli, inkluż żewġ Scudetti.

Madankollu, Gravina jemmen li l-iffirmar tiegħu ma kienx pass tajjeb għal Juventus.

“Ma naħsibx hekk, mhux għall-filosofija tiegħi,” huwa qal.

“Kien tajjeb għall-football Taljan, iżda ma naħsibx li kienet operaz­zjoni pożittiva għal Juventus.

“Fir-rigward tat-titlu tas-Serie A, nara lil Napoli u lill-clubs Milanisti mgħammra tajjeb. Madankollu, fil-football dejjem hemm is-sorpriżi. Se jkun staġun mill-aqwa.”

Ekonomija

Sport