Monday, May 13, 2024

“Iġri wara l-ħolm tiegħek sabiex tasal fejn tixtieq”

– Ike u Kaya, rebbieħa tal-Malta Junior Eurovision Song Contest 2021

Aqra wkoll

Il-kantanti żgħażagħ Ike u Kaya għadhom kemm ġew dikjarati rebbieħa tal-Malta Junior Eurovision Song Contest 2021, f’avveniment li sar fis-sala Robert Sammut fil-Furjana.

Il-kanzunetta interpretata minn dawn iż-żewġ kantanti bl-isem ta’ My Home intgħażlet minn 12-il kanzunetta li ħadu sehem fil-finalissima li saret is-Sibt li għadda. 

Din il-kanzunetta hija dwett b’differenza minħabba li ż-żagħżugħ Ike jagħmel partijiet rap filwaqt li l-kantanta Kaya tispikka bil-vuċi melodjuża li għandha.

My Home għandha lirika ta’ Owen Llewelyn u Matt Muxu Mercieca b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar.

B’hekk Ike u Kaya se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest li se jsir nhar il-Ħadd 19 ta’ Diċembru fil-belt kapitali Franċiża, Pariġi.

Aħna ltqajna ma’ dawn iż-żewġ kantanti żgħażagħ li huma ħbieb kbar ta’ xulxin u li jaqblu ħafna bejniethom mużikalment. Huma kienu ferm ħerqana li jagħmlu din l-intervista li ġejja.

Meta staqsejnihom dwar jekk stennewx li kienu se jirbħu dan il-festival, huma mal-ewwel wieġbu li xejn ma kienu qed jobsru li se jgħajtu isimhom.

“Xejn ma stajt nemmen li se nkunu aħna li nirrappreżentaw lil Malta f’Pariġi. Kienet sorpriża kbira għalina,” qal Ike.

“Aħna tajna l-mija fil-mija tagħna fuq il-palk u dak kien l-ewwel ħaġa li kienet tgħodd. Madankollu li rbaħna ma kinitx xi ħaġa mistennija!” kompliet Kaya.

Iżda kif bdiet l-imħabba ta’ Kaya u Ike lejn il-mużika? 

Kaya qaltilna li għall-bidu hi kienet tipprattika l-ballet għalkemm ma tantx kienet daqshekk għal qalbha tant li kienet tibki. Lil ommha dejjem tgħidilha li l-ballet ma jgħoddx għaliha. Darba fost l-oħrajn, waqt Jum il-Ġenituri, l-għalliema qalet lil omm Kaya li t-tifla l-ħin kollu kienet tkanta fil-klassi u ssuġġeritilha li tibda l-lezzjonijiet tal-kant. U minn hemm beda kollox.

Min-naħa ta’ Ike, hu kien jara ta’ spiss X Factor Malta u wara l-interpretazzjoni ta’ Owen Leuellen ftit tas-snin ilu b’kanzunetta rap, xtaq jibda juża dan l-istil li jogħġbu ħafna. Minn hemm Ike qatt ma ħares lura!

Ċertament li f’festival bħal dan fejn hemm post prestiġġjuż x’jintrebaħ, il-kompetizzjoni tkun kbira, għalkemm iż-żewġ kantanti ammettew li għamlu ħbieb ġodda wkoll.

Saqsejna lil Ike u Kaya x’se jkun issa l-pass li jmiss speċjalment issa li se jkunu qed imorru Pariġi għal Junior Eurovision Song Contest.

“Inħossni eċitat ħafna għal din l-avventura li se jkollna flimkien għalkemm inwiegħed li se nkunu qed nagħtu l-mija fil-mija tagħna fuq il-palk,” qal Ike.

“Bħal Ike anke jien ninsab eċitata mmens għal dan il-festival tant prestiġġjuż fl-Ewropa. Nispera wkoll li nagħmel ħbieb ġodda hemmhekk! Fuq kollox, se nagħmlu minn kollox sabiex inpoġġu isem Malta dejjem aktar fil-għoli!” qalet Kaya.

Tkellimna ma’ dawn iż-żewġ kantanti dwar il-messaġġ ewlieni li fiha l-kanzunetta My Home. Din il-kanzunetta tirrifletti sew il-ħbiberija kbira li għandhom bejniethom (għalkemm ammettew li mhumiex għarajjes). Huma qalu li din il-ħbiberija twassal sabiex huma jkunu dejjem hemm għal xulxin, kull meta jkollhom bżonn l-għajnuna ta’ xulxin.

Bla dubju li mhux biċċa xogħol faċli għal Ike u Kaya sabiex ilaħħqu mad-diversi attivitajiet li jkollhom fosthom l-iskola, it-taħriġ u l-istudju.

“L-iskola hi bżonnjuża mmens u għalhekk hu importanti li ssib bilanċ. Jekk torganizza ruħek jirnexxielek tlaħħaq ma’ kollox!’ qal Ike.

“Meta tkun organizzata jirnexxielek tlaħħaq ma’ kollox. Importanti li tqassam il-ħin sabiex tagħmel dak kollu li jkun hemm bżonn fil-ġurnata,” sostniet Kaya.

U x’inhuma l-passatempi ta’ dawn iż-żewġ kantanti?

Ike hu dilettanti kbir tal-futbol tant li hu partitarju ta’ Valletta FC. Fl-istess waqt fil-ħin liberu tiegħu hu jħobb jilgħab bil-playstation.

Min-naħa tagħha, Kaya tħobb tiżfen għalkemm tammetti li l-kant saħħarha ħafna speċjalment il-lezzjonijiet tal-kant tal-għalliema tagħha Gillian Attard. Fuq kollox, ix-xewqa ta’ Kaya hi dik li tibda tattendi l-lezzjonijiet tal-pjanu.

Kaya u Ike kellhom ukoll ringrazzjament speċjali għall-għalliema tal-kant tagħhom li tant jieħdu paċenzja bihom.

“Jien nammira ħafna lill-għalliem tiegħi Muxu li hu verament tajjeb. Hu għeni ħafna sabiex intejjeb il-ħiliet tiegħi,” qal Ike. “Grazzi speċjali tmur għal Gillian Attard li fil-ħames snin li ili magħha verament tgħallimt filwaqt li dejjem nieħu pjaċir magħha,” sostniet Kaya.

Mistoqsija jekk jixtiqux jaqbdu karriera barra minn xtutna, iż-żewġ kantanti ammettew li huma jinsabu saqajhom mal-art u kollox jiġi pass pass.

Sadanittant madwar sentejn ilu, din il-koppja ta’ kantanti ħadet sehem fil-programm lokali Malta’s Got Talent u rnexxielhom jispiċċaw fir-raba’ post. Huma dehru li tgħallmu ħafna minn dik l-esperjenza tant importanti.

“Għalina Malta’s Got Talent kien ifisser ħafna minħabba li kellna ċ-ċans nuru l-kwalitajiet tagħna aktar mill-viċin filwaqt li n-nies isiru jafu bina. Żgur li mingħajr l-għajnuna tal-għalliema tagħna, ma konniex naslu s’hawnhekk,” qalet Kaya.

Huma kkonfermaw li kull meta jkunu fuq il-palk, dejjem jagħtu qalbhom, tkun xi tkun l-okkażjoni u hekk beħsiebhom jagħmlu f’Diċembru li ġej f’Pariġi.

Finalment xtaqna li Kaya u Ike jgħaddu messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika u l-kant.

“Qatt taqta’ qalbek! Dejjem ibqa’ ippersisti u tiġi ppremjat,” appella Ike.

“Iġri wara l-ħolm tiegħek sabiex tasal fejn tixtieq,” kompliet Kaya.

Sport