Monday, May 13, 2024

“Garanzija għat-tliet snin li ġejjin ta’ provvista sigura ta’ mediċini mir-Renju Unit” – il-Ministru Ian Borg 

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-ħidma li wettaqna matul l-aħħar snin flimkien mal-Kummissjoni Ewropea sabiex nissalvagwardjaw is-saħħa taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin  ġiet approvata fl-aħħar sigħat wara vot li ħadna fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Bil-vot u l-approvazzjoni li ttieħed qegħdin nagħtu garanzija għat-tliet snin li ġejjin ta’ provvista sigura tal-mediċini mir-Renju Unit.”

Dan sostnieh il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, meta kkummenta ma’ Talk.mt dwar il-ftehim li sar. Enfasizza li “aħna bħala Gvern Malti rridu naraw dejjem li fil-fora Ewropej nkomplu nwasslu l-leħen taċ-ċittadini tagħna biex fl-ebda ħin ma jkunu żvantaġġati minn ċittadini Ewropej oħra, kif anke għamilna f’dan il-każ.”

Provvista kontinwa tal-mediċini għall-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, għall-Irlanda u għal Malta

Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet l-adozzjoni rapida tal-proposti mill-Kunsill biex tiżgura l-provvista kontinwa u fit-tul tal-mediċini mill-Gran Brittanja għall-Irlanda ta’ Fuq u biex tindirizza t-tħassib pendenti dwar il-provvista f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta – swieq li storikament ġew fornuti tramite l-Gran Brittanja jew minnha. L-adozzjoni tal-lum issegwi l-vot pożittiv tal-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament Ewropew. Il-proposti tressqu mill-Kummissjoni f’Diċembru li għadda, wara l-involviment estensiv tagħha maċ-ċittadini, l-industrija u r-rappreżentanti l-oħra tan-negozju fl-UE u fir-Renju Unit, flimkien ma’ taħditiet estensivi mal-gvern tar-Renju Unit biex tinstab din is-soluzzjoni dejjiema.

Filwaqt li laqa’ din l-adozzjoni, il-Viċi President Šefčovič qal: “Waqt iż-żjara tiegħi fl-Irlanda ta’ Fuq fil-ħarifa li għaddiet, jiena wegħidt li nagħmel kulma hemm bżonn biex tiġi żgurata l-provvista kontinwa tal-mediċini lill-Irlanda ta’ Fuq. Issa għandna soluzzjoni dejjiema, li ngħatat fi żmien rekord. Se nkompli naħdem mill-qrib mal-gvern tar-Renju Unit biex niżgura l-prevedibbiltà, iċ-ċertezza legali, u l-prosperità tal-komunitajiet kollha fl-Irlanda ta’ Fuq.”

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Stella Kyriakides, qalet: “Hu kruċjali li jkollna provvista kontinwa tal-mediċini għal mijiet ta’ eluf ta’ pazjenti fl-Irlanda ta’ Fuq – kif ukoll f’Ċipru*, fl-Irlanda u f’Malta; ilkoll swieq li storikament jiddependu fuq il-mediċini mir-Renju Unit. Issa wettaqna l-impenn tagħna biex nsibu soluzzjoni li tiżgura li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jkomplu jirċievu l-mediċini li jkollhom bżonn, f’kull waqt. Nilqa’ dan il-ftehim rapidu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.”

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza kbira li jkollna ktajjen tal-provvista b’saħħithom u aċċess għall-mediċini f’kull ħin, sabiex is-sistemi tas-saħħa joperaw mingħajr xkiel.

Il-passi li jmiss għal Ċipru, l-Irlanda u Malta

Għal Ċipru, l-Irlanda u Malta, ir-regoli approvati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jipprovdu deroga temporanja sabiex ikunu jistgħu jkomplu jiksbu l-mediċini mir-Renju Unit biss jekk ikun meħtieġ. Id-Direttiva u r-Regolament japplikaw b’lura mill-1 ta’ Jannar 2022 u mill-31 ta’ Jannar 2022 rispettivament. Huwa mistenni li fi żmien tliet snin, sal-31 ta’ Diċembru 2024, dawn is-swieq gradwalment se jneħħu d-derogi temporanji u jnaqqsu d-dipendenza tas-swieq domestiċi tagħhom fuq il-provvista tal-prodotti mediċinali minn jew tramite xi partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq.

Barra minn hekk, fl-aħħar ta’ din is-sena, il-Kummissjoni se tagħmel proposti biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE. Dawn il-proposti se jfittxu jipprovdu soluzzjonijiet strutturali fuq żmien itwal, b’mod partikolari għall-kwistjoni tal-aċċess għall-mediċini, b’attenzjoni speċjali biex titjieb is-sigurtà tal-provvista u jiġu indirizzati r-riskji ta’ nuqqasijiet fis-swieq iż-żgħar tal-Unjoni.

Kuntest:

Is-soluzzjoni tal-aħħar sigħat hi parti mill-pakkett tal-Kummissjoni ta’ miżuri estensivi proposti f’Ottubru 2021 biex twieġeb għad-diffikultajiet li qed iġarrbu n-nies fl-Irlanda ta’ Fuq minħabba l-Brexit.

Sport