Friday, July 25, 2025

Ġenituri ta’ tfal b’diżabilità severa taħt is-16-il sena ser jibdew jirċievu l-Carer’s Grant

Aqra wkoll

Ġenituri li ma jistgħux jaħdmu sabiex jieħdu ħsieb ’l uliedhom taħt is-16-il sena b’diżabilità severa, ser jibdew jitħallsu l-Carer’s Grant għall-ewwel darba. Dan qed isir b’investiment ta’ aktar minn €700,000.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon u mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li l-Gvern żamm kelmtu ma’ dawn il-ġenituri għaliex verament jemmen f’aktar sapport u għajnuna lil dawn il-ġenituri li jissagrifikaw ħajjithom sabiex jagħtu l-aqwa għajxien lil uliedhom. “Din hija xhieda ċara ta’ kemm dan il-Gvern ma jiqafx jinvesti fil-qasam tad-diżabilità, dan b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra,” stqarr il-Ministru Falzon.

Il-Ministru Falzon fakkar illi kien dan il-Gvern illi nieda għall-ewwel darba l-Carer’s Grant fis-sena 2021, fejn ġenitur li ma jaħdimx minħabba li għandu wild jew ulied b’diżabilità severa ta’ aktar minn 16-il sena, beda jitħallas għotja li dakinhar kienet ta’ €300 u llum qed jitħallas nofs il-paga minima nazzjonali netta, madwar €5,200.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif dawn il-ġenituri mhumiex qed jagħżlu li ma jaħdmux b’kapriċċ, iżda huma ġenituri li jiddedikaw ħajjithom biex ikunu ta’ spalla ma’ wliedhom għal appuntamenti mediċi spissi, operazzjonijiet u terapiji. “Mhi qatt għażla faċli li ġenitur jieqaf mill-karriera tiegħu. Hi għażla mimlija sagrifiċċji kbar. B’dak li qed inħabbru llum flimkien ma’ dak li daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena, mhux biss qegħdin inkomplu nżidu l-għajnuna, iżda qed nuru biċ-ċar li dan il-Gvern dejjem se jibqa’ maġenb il-familji tagħna, speċjalment dawk li jiffaċċjaw sfidi kbar ta’ kuljum,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

Id-Direttur Ġenerali fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, George Cremona, tkellem fid-dettall dwar kif ser tkun qed taħdem l-evalwazzjoni medika minn bord interprofessjonali li jimxi fuq kriterji internazzjonali għal dan il-qasam. Huwa fakkar ukoll illi kif tħabbar fil-Budget 2025 l-Allowance għal tfal b’Diżabilità żdied ukoll minn €30 għal €35 fil-ġimgħa u dan apparti ż-żieda qawwija li ngħatat fiċ-Children’s Allowance.

Dawn il-pagamenti ser jitħallsu fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru minħabba li l-proċedura awtomatika tal-Carer’s Grant tiġi pproċessata kull tliet xhur. Dawn il-benefiċjarji ġodda ser jingħaqdu ma’ ġenituri oħra li diġà qed jirċievu l-Carer’s Grant għax għandhom ulied li għandhom ’il fuq minn 16-il sena li jirċievu l-Assistenza għal Diżabilità Severa Miżjuda – dawn il-ġenituri din is-sena diġà rċevew €1.1 miljun f’benefiċċji u f’Ottubru jmisshom pagament ieħor.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport